Matul ix-xahar ta’ Marzu, Inizjamed ikkollaborat ma’ ARC Research & Consultancy, u nnominat erba’ awturi għar-residenza organizzata minn Medinea, organizzazzjoni li toffri pjattaforma lil mużiċisti EwroMediterranji f’kuntest interkulturali. Matul ir-residenza li nżammet fl-Għarb, l-erba’ awturi ltaqgħu mal-mużiċisti u kitbu poeżija mnebbħa mill-ħsejjes tagħhom. Ix-xogħol tal-erba’ awturi, Keith Borg, Klara Vassallo, Gabriel Lia u Elena Cardona nqara minnhom stess qabel il-kunċert Medinea Session Gozo. Il-poeżija tagħhom tinsab hawn taħt.
Keith Borg
Ħoss il-Mediterran
Dal-ħossiħossumħasseb, qaltli,
għax il-Mediterran qed jegħreq,
jibla’ lilu nnifsu qisu Ouroboros
irid jinħeles mill-ħsejjes imsejsa tul sekli
sħaħ irid jinħakem mis-silenzju għarwien.
Għax il-Mediterran, xi darba, kien itektek,
qaltli. Lill-Malti li issa sar ħolma
belagħlu l-għajn minn ħalqu
u mitt miljun ħoss ieħor
donnhom snien żlugati
jinbeżqu minn ħalq imnawwar
li ħanżrulu l-ħsieb ta’ ħolma Maltija
maħluma f’manuskritti,
immermra, mormija.
Għax il-Mediterran, xi darba, kien ibaqbaq, qaltli.
It-tħaxwix tal-weraq sfuma f’dak ta’ flus maħsula
minn kull melħa u ramla;
il-werżieq iserraħ griżmejh taħt id-dell ta’ gaffa
goffa li ħanqitlu l-protesta b’villa bil-pixxina.
Għax il-Mediterran, xi darba, kien isejjaħ, qaltli. Flok il-kliem
mistur jaqbeż minn persjana għall-oħra ħakmu t-tektik
ta’ buttuni jħabbtu l-imgħaġġel mgħaġġel.
Ninżel f’dal-baħar mgħarraq,
jekk togħdos, qaltli, m’intix se terġa’ tibda
se ssir il-ħoss etereali,
la żmien la spazju,
bla ebda ħsus,
l-għadam,
l-organi,
il-vini
jisparpaljaw
jinħallu fl-ilma mmellaħ
li tilef togħmtu
u l-ħsieb jisfuma
u n-nifs jitbenġel
ma’ kull għadsa
ma’ kull qatra li nibla’
inħares ʼil fuq
dil-mera mżellġa
merżuq dawl jinfidha
jinfidni dad-dawl
dehbieni
mhux bħal passaport imqarqaċ
hu u jikkrolla:
il-fruntieri tilfu kull direzzjoni.
Ninżel u nogħdos fejn id-dawl qatt ma resaq
u flok is-skiet insib splużjoni ta’ ħsejjes
ħierġa minn kreaturi li qatt ma dehru:
dal-Mediterran ġdid, imġedded,
u bin-naqra n-naqra nibda nitħannen
niżżerżaq fi ħdanhom
kull ħoss
kull nota
nistenna lilek
narak tgħib u
tiżżerżaqli.
Dal-ħoss mhux milqugħ
Mal-friegħi dendel nifsu spjetat,
għajnejh jitbandlu għar-riħa tal-ward,
kull ħoss jisponta xewka
imbagħad oħra
sakemm jitfassal ġnien moħbi,
mhux mifhum.
Idur u jdur
donnu żunżana żugraga
kull ħoss jiggranfalu widnejh
iqaxxarhomlu folja folja
dal-ħoss mhux milqugħ.
In-nies tistenbaħ u tiċċassa,
ma tifhimx l-għala l-ħoss ma jwennsux
Id-demgħa tiżżerżaq minn għajnu
tarbija titħallat mal-bikja minn fommu
mitbuq.
U jkompli jdur u jdur
sakemm il-ħoss iħossu jfur
u jisplodi f’anarkija
sakemm il-ħoss jinħall fl-arja
u tasal il-kalma –
il-kalma tal-kelma.
Ħoss metalliku
Mit-tieqa mbexxqa
xaqq dawl jidħol ifexfex
żiffa riħ iġġorr ħoss metalliku
ta’ mgħarfa ċċekċek ma’ platt imċaqqam
u titilqu fi ħdani
nismagħha tonfoħ is-solitudni
fuq platt minestra silġ
u niftakar li minn kull pora msadda
ta’ dal-ġisem moħli
tibda ħierġa nostalġija kkalzrata
inkaxkar is-siġġu bl-injam
mherri u niftaħ il-ktieb iżaqżaq
ta’ ritratti mitfija biż-żmien
u niftakrek tistennieni
ħdejn il-funtana
għajnejk jibbru
poża statweska
bil-libsa ħadranija
żżiegħel bil-lejl
inpoġġi mal-mejda
ninduna
li anke minn idi
ħiereġ ħoss metalliku
u fuq il-boqqa patata maxx
naqla’ kull demgħa vjola
li erfajt għalik.
L-għata tas-silenzju trossni ftit ieħor,
sakemm nittarrax, u nerġa’ nisma’ leħnek fil-bogħod.
Klara Vassallo
ħoss mediterran
ara ġejja l-mewt għalik
biex tixwik biex taqlik
ara ġejja ara waslet
din id-daqqa min tahielek?
ġieli smajt ħoss lasktu mifqugħ f’nofs l-ikħal —
ta’ baħar jgħerriqhom ftit ftit?
dan l-ewwel ħoss li nisma’ meta tispellili l-m-e-d-i-t-e-r-r-a-n.
dawn il-poeżiji attentat biex infissirlek ħoss l-ikħal
li l-ewwel darba li niżlu fih
kien hemm il-mewt tisfidahom mill-qiegħ
— smajtni nirrima?
ara ġejja l-mewt għalik
biex tixwik biex taqlik
ara ġejja ara waslet
din id-daqqa min tahielek?
ħallihom ħa jegħrqu (bil-mod)
; dan ħoss nies wisq barranin għad-dar
wisq barranin għal hawn
u qatt biżżejjed għat-tnejn
ma jarmux lilhom infushom fil-baħar la darba l-baħar
mhux aktar dar mid-dar —
qatt ma jaħarbu ladarba ma jkollhom xejn
minn xiex jaħrabu — ladarba pajjiżhom
ma lagħabx waħda pulizija u ħallelin
bil-pistola ma’ widnejhom —
bomba toqmos f’idejhom —
smajtni nirrima, għid?
ejja mela:
ara ġejja l-mewt għalik
biex tixwik biex taqlik
ara ġejja ara waslet
din id-daqqa min tahielek?
Gabriel Lia
Ktibt bit-Temp (L-ewwel parti)
Ir-riħ mix-Xlokk il-Lvant ser ikun qawwi
għal qawwi ħafna, u f’xi waqtiet jilħaq il-qawwa ta’ riefnu
fuq l-inħawi fejn jaqbel tal-Ġżejjer Maltin
Santa Eliżabetta kemm qam riħ
int miġnun tirkeb il-ħalel
biex idduq l-imluħa tal-Mediterran
il-pastizzi tal-Coney Island Bar
u titqanqal minn ġewwa?
bħal orgażmu ta’ ribelljoni
li sfida t-twissijiet tar-riħ
dal-iben il-ħali daħal fi globu griż tal-ħġieġ;
ċlampu, għall-Għawdxin temp tal-ġamiem
Din it-twissija tibqa’ fis-seħħ sas-sitta t’għada filgħodu, ħin lokali u terġa’ tiġġedded kif meħtieġ, sakemm dil-qalb iċċedi, iċċedi lid-dinja u mill-ġdid tistenna l-eternità bħal Penelope
Idduq il-pizza taż-żebbuġ tal-Maxims
li ddum tistennieha kwarta
iż-żejt ftit li xejn iqattar fit-taraġ kenni, aktar ix-xita
barra ma tarax ruħ
ġewwa l-erwieħ imkasbra jilagħbu fuq li jilagħbu bil-vot
Din it-twissija tibqa’ fis-seħħ sas-26 ta’ Marzu.
jaf għad nitlef moħħi
Qabel tidħol fil-karozza farfarhom
ma fejn striħajt, tfarfar
x’tikber kemm qed titfarfar
ninnutani xagħri ta’ spiss tfarfar
iżda mhux iktar minn moħħi
moħħi qed jitfarfar Ma
Ma beda l-iżmantellament
farfart saqajja mir-ramla tar-Ramla l-Ħamra
farfart dirgħajja mill-ġir bajdani tal-Qolla l-Bajda
farfart żgħożiti mal-ewwel qabża f’Ħondoq ir-Rummien,
immaġinajt bħalma immaġinajt il-mewġ kajman f’Għar Qawqla
dieħel isejjaħli biex nitfarfar mill-ħsibijiet
u fil-baħar niżżarma, inħoll futuri
u nħallih joħoduli ’l barra
fejn naf li mhu se jerġa’ jiġi lura qatt
naf iva naf li din klixè imma din mhux art tal-klixejiet
mela se nitfa’ ‘Apocalypse’ ta’ Cigarettes After Sex
u naħseb f’kemm ħokkli dahri biex inħokklok tiegħek
verżjoni cheap għalina l-Maltin, kważi kważi gimmick, perċezzjoni,
aħna ħokkli dahri biex nabbużalek lil familtek kollha.
u kemm jiena bla bajd li mhux kapaċi naqbad it-titjira li jmiss għal ma nafx fejn,
imqar biex noqgħod ngħodd is-sħab duħħan bla forma
Ma beda l-iżmantellament
Ma beda l-iżmantellament
Ma beda l-iżmantellament
Ma: Għalfejn qed tgħajjat, ma jonqsok xejn!
Il-period tax-xitan
an elephant in the room
barriera fonda f’tarf ir-raħal
farrett fil-kampanja Għawdxija
imċappsa bid-demm li baqa’ ġej
heavy period li ma jaqta’ xejn
telefonata mill-Għassa tar-Rabat Għawdex
surġent hawnhekk tinkwetax, nikkonferma l-Instagram tiegħi
inti għandek filmat li fih anzjan mis-Sannat jgħid
Għawdex tal-Maltin, Malta tal-barranin?
“Iva mhux problema sir se nneħħih issa.”
inqabad l-utru b’ponn karti tal-mija
inġibed u qiegħed jiċċarat bil-mod
okrob ibki olfoq
igdem il-lożor biex ma tobżoqx il-protesta
u ibqa’ emmen li f’artna m’hawnx infern
xjaten biss
ix-xitan m’għandux ħalib imma jgħajjat bil-ġbejniet
ix-xitan m’għandux permessi imma diġà qed ibigħ il-postijiet
Ktibt bit-Temp (it-tieni u l-aħħar parti)
feels like we only go backwards
tista’ tgħidli x’ħin se titla’ x-xemx?
ftit imsaħħab, tinħass 16-il grad
let it happen
tista’ tgħidli x’ħin se titla’ x-xemx?
l-ogħla 16-il grad, l-inqas 13
why don’t you make up your mind?
tista’ tgħidli x’ħin se titla’ x-xemx?
indiċi UV 7
tista’ tgħidli x’ħin se titla’ x-xemx?
fis-sebgħa nieqes kwart.
le jaħasra irrid inkun naf meta se titla’ x-xemx
għal kulħadd
Elena Cardona
Ħjut
- Ikolli ngħid li l-għanqbut dejjem joħloq fija kurżità – tqanqil tal-kifijiet u l-għalixijiet. Il-ħjut rotob, imfelfla u jgħallku tal-candy floss marbut mal-filgħaxijiet tat-tfulija. Gidma wara gidma, b’subgħajja ċkejknin inġebbed fit-tajjar roża/aħdar/blu u nilgħaqhom miz-zokkor iwaħħal li jifdal taħt dufrejja. It-tajjar mittiekel isir ħabel tal-ħarir – ingassa, jistira u jgħarrax ma’ għonq il-priża tiżfen iż-żifna tal-mewt li tpaxxi lill-brimba. Il-brimba tammira mill-ġenb b’għajnejha nemmiesa, daħkana, hi u tħoss il-ħarira tistira mill-ġewwieni tagħha. U l-priża titħabat, tirribatti u l-ħarir jgħallek magħha sakemm in-nifs iċedi. U tirtab. U tirtab. U tirtab. U tirtab għall-brimba f’dillirju, f’estasi ta’ festa karnivora mkabbra bl-għanqbuta-xibka-nassa tagħha/magħha.
- Allura, antikwità l-għanqbuta? Trid titfarfar kif jgħid il-Malti? Ma jafx il-Malti li l-għanqbuta nisġa mistika ta’ ilħna seduċenti, jostru l-ispirtu maġiku tagħhom sakemm…sakemm…sakemm jaħfnuk fiż-żegħil morbidu, iċallas u jgħallek bħal bews fuq il-ħaddejn. Seduzzjoni. Intriċċi. Amore? Le, amaro l-imħabba għanqbuta.
- U s-seduzzjoni xi trejjaħ? Il-blu, il-blu jganċi fil-griż, l-ikħal tal-baħar – dan iż-żagħżugħ ta’ dejjem, eternità sfrenata ta’ żgħożija. L-ikħal tal-baħar, ir-ramel aħmar u Calypso tfiġġ tinseġ ix-xibka għal Ulisse, ħelwa daqs xufftejk. Din ix-xibkatuliss. La xibka, la Ulisse imma xibtatuliss. Xibkatuliss – jien u int biss nifhmu. Din tagħna biss. Tostorna għal seba’ snin mit-tempesti t’allat jaħilfu, jeqirdu, jittalbu mal-bniedem. El khulud. Ġisimna darba l-għarbiel taż-żmien, jissaffa mill-melħ u l-alka sakemm l-ikħal isir il-kulur ta’ ġildek u ġildi.
- Ambigwa x-xibkatuliss. Il-ħjut tax-xibka jaħfnuni u jniżżluni ’l isfel, fil-qiegħ, fil-qiegħ. L-injam iqarmeċ iċaqċaq melodija tenebruża mas-sireni. Ramel kont u ramel se nerġa’ nsir. Il-ħolm dehbi jixtieq ixenxel għeruqu mal-blat, maħfun mill-mewġ iriegħed. U jien interraq imtertaq lejn l-ikħal ta’ Calypso.
- U l-brimba seduttriċi tal-bidu taqleb l-irwol tagħha. Issir konsumatur ta’ xibkitha stess. Bħal Penelope. Taħdem-toftoq, toftoq-taħdem id-destin. Tilgħab, tagħġen fil-memorja tagħha, fil-memorja kollettiva, fil-memorja tiegħi. Fil-memorja tiegħi miegħek. Insensel lilek matul il-jum u noftqok kif jasal il-lejl. L-għada filgħodu naħdmek ta’ taħt fuq. Il-mistur jiġi mmaljat fix-xalla-xibka tagħna. U jitperreċ biex noħloq spazji mbewqa permessi mil-labar imħabbta flimkien
Spazji tiegħi miegħek.
Spazji inkontri luċidi tiegħi fik
Spazji mlaħħma l-eternità karnali.
Spazji konfronti namurużi bik miegħi.
Spazji mitbuqa jitniehdu d-dulur tal-blu.
Spazji mdaħħna ilħna passati jifgaw lil moħħna.
Spazji mirjiħa mewt il-baħar iwensuni fl-irqad.
Spazji msikkta mid-dmugħ ta’ ljieli nħoll l-għoqod imċempel tar-relazzjoni tagħna.
Spazji maħtufa ta’ dinijiet diversi jitniehdu għal xulxin/ma’ xulxin/fuq xulxin.
Spazji mċaħħda nistira l-ħjut li jżommuna marbutin/magħqudin flimkien/għal xulxin.
Il-Medinea Session Gozo 2022 kienet appoġġjata mill-Medinea u l-Erasmus+ Programme, prodotta minn ARC Research & Consultancy bl-għajnuna tal-Kunsill Malti għall-Arti – il-Ministeru għal Għawdex – id-Direttorat għall-Wirt Kulturali – il-Kunsill Lokali tal-Għarb – il-Każin tal-Banda tal-Għarb – APS Bank.