Michael, għamilt żmien tgħix barra minn Malta, xi ftit jew wisq ’il bogħod mill-ilsien Malti; issa donnok ġejt minn imkien tkanta bi lsienna. Għalija, kienet sorpiża mill-isbaħ. Meta qbadt il-kitarra jew il-pinna kemm kien naturali għalik li tuża l-ilsien Malti?
Meta rritornajt lura Malta fl-2017, ġejt b’aptit biex nibda nikteb il-mużika. Kont għadni qatt ma kantajt jew daqqejt, u wisq anqas ktibt. Fl-2018 bdejt nikteb xi kanzunetti bl-Ingliż u sena wara daqqejthom għall-ewwel darba. Ikolli ngħid li l-proċess kellu xi ħaġa nieqsa li għalija kienet ta’ importanza kbira — iżjed awtentiċità. Matul is-snin li qattajt Londra drajt nitkellem bl-Ingliż, saħansitra kont (u għadni, xi ftit) inbati bil-vizzju tal-code-switching – fejn naqleb bl-Ingliż biex nesprimi ruħi. Minkejja dan, xorta inġbidt lejn il-Malti – u iva, kienet xi ħaġa li nħasset naturali. Fl-1 ta’ Jannar 2020, ktibt l-ewwel kanzunetta bil-lingwa Maltija – “Fik Holqien” – il-kliem ħareġ malajr u mill-qalb. Il-proċess inħass ferm iżjed spontanju. Minn hemm ’l hemm ktibt bil-Malti biss.
Ftit tal-ġimgħat ilu smajtek live waqt l-APS Festival, meta kantajt qabel il-Brikkuni; jidher li hemm kollaborazzjoni sħiħa bejnietkom l-artisti li taħdmu taħt it-tikketta Ultralow Music. Kemm qed tgħin din il-kollaborazzjoni? Taħseb li n-nies fil-letteratura jistgħu jitgħallmu minnha?
Il-kollaborazzjoni qed tgħin ħafna. Il-mużika li nikteb u nikkomponi qiegħda tiġi maħluqa ma’ Ultralow, b’kontribut kbir tal-aħwa Jimmy u John Bartolo ta’ Ultralow stess. Mingħajrhom, ma kienx ikun possibbli li nwassal id-diski sa din il-kwalità. Il-kollaborazzjoni twassal ukoll għal sens ta’ komraderija. Il-proċess tal-kitba jista’ jġiegħel lill-artist iħossu iżolat, għalhekk huwa importanti li naħdmu f’kuntest ta’ komunità. Ma’ Ultralow nista’ naqsam l-ideat, anke dawk li għadhom fi stadju bikri!
F’dawn l-aħħar għaxar snin ħarġu ħafna bands jew kantawturi bħalek li jinsistu li jiktbu bil-Malti. Qabel, fi kliem Immanuel Mifsud, il-mużika Maltija kienet limitata “għat-tradizzjoni tal-inħobbok u tal-għalfejn-tlaqtni u tal-kif-se-mmut-mingħajrek.” Imnejn taħseb li ġejja din l-era ġdida ta’ mużika Maltija?
Jien nemmen li l-mużika qatt ma teżisti f’vakwu, Maltija jew mhix. U minħabba f’hekk niġu influwenzati minn xulxin u artisti oħrajn, barranin u lokali. Biż-żmien din l-influwenza saret tinħass iżjed. Inħoss ukoll li l-artist innifsu qiegħed jevolvi u qiegħed ifittex iżjed onestà fil-kitba u fil-ħoss li joħloq. Naħseb li dawn iż-żewġ fatturi qed iwasslu biex tinkiteb mużika iżjed ‘universali’ mil-lat ta’ temi, ħsejjes u stil.
Naħseb taqbel li bħalissa qed ngħixu era ġdida ta’ mużika Maltija. Din l-era tidher li ġibdet ukoll l-attenzjoni tal-kittieba u tal-akkademiċi Maltin; fuq il-Brikkuni nkitbet saħansitra teżi. Il-poeta u akkademiku Adrian Grima kkummenta fuq l-album tiegħek u kiteb li huwa wieħed li “għandu lirika delikata, poetika, mhux pretenzjuża, ħafna drabi intima.” Grima mill-ewwel uża l-kelma “poetika” u naf fiċ-ċert li bħala poeta kelma hekk ma taħrablux minn idu malajr. Żewġ mistoqsijiet: tħossok ispirat mill-poeżija Maltija? U kemm taħseb li dan l-interess jivvalida l-argument li din l-era ta’ mużika Maltija hija verament ta’ kwalità?
Nemmen li din l-era ta’ mużika Maltija hi ta’ kwalità, iva, u nemmen ukoll li dan hu biss il-bidu. Nemmen li l-mużika qiegħda titjieb għax l-artisti qed ikunu iżjed vulnerabbli, qed jieħdu iżjed riskji, u qed tinħass il-passjoni fil-lirika u fil-kant. Fl-opinjoni tiegħi, il-kwalità tal-mużika titjieb skont kemm l-artisti huma lesti jieħdu riskji u jkunu awtentiċi bil-mużika tagħhom.
Michael, int se tkun wieħed minn żewġ kantawturi mistiedna fil-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta. Meta tqis ukoll x’qal Grima fuqek, xi tfisser għalik din l-istedina?
Din l-istedina kienet waħda mill-isbaħ affarjiet li ħarġu mill-vjaġġ mużikali tiegħi s’issa. Il-kitba nħobbha immens, iżda s’issa qatt ma kkunsidrajt ruħi bħala poeta jew awtur. Il-fatt li ġejt rikonoxxut minn dan il-Festival, għalija jfisser ħafna. Imlieni b’aptit akbar biex inkompli nikteb. Grazzi mill-qalb!
Din l-intervista saret minn Jean Paul Borg. Michael Azzopardi se jkun qed idoqq fil-Festival nhar is-Sibt, 28 t’Awwissu. Il-biljetti jistgħu jinkisbu minn hawn.
Il-mużika u l-lirika tal-EP Pistola tista’ tiġi aċċessata minn din il-ħolqa.