Il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta' Malta / Malta Mediterranean Literature Festival
Niġru Ġrajja jagħlaq sena!

Niġru Ġrajja jagħlaq sena!

Ritratti ta’ Katel Delia.

Nhar l-Erbgħa, 6 ta’ Settembru, il-proġett Niġru Ġrajja mmexxi minn Inizjamed għalaq l-ewwel sena tiegħu. Bħala ċelebrazzjoni ta’ din l-ewwel sena, u tal-frott ta’ dan il-proġett, il-parteċipanti kollha, minn demografiji differenti tas-soċjetà Maltija ltaqgħu u rrakkontaw lil xulxin l-istejjer li kitbu u li issa kisbu posterità permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom fuq il-gazzetta li ġġib l-istess isem tal-proġett.

L-umanità dejjem irrakkontat il-ġrajjiet, imma mhux dejjem kulħadd seta’ jirrakkonta ġrajjietu lil ħaddieħor. Permezz ta’ Niġru Ġrajja, nittama li ħloqna ambjent li fih l-ewwel kulħadd irrakkonta ġrajjietu lil oħrajn fl-istess keffa, u wara ngħata ċ-ċans biex jirrakkonta ġrajjietu lil oħrajn. Għalhekk, nhar l-Erbgħa t-tfal bdew jirrakkontaw ġrajjiethom, u l-anzjani u l-immigranti semgħuhom. Wara, kemm l-anzjani kif ukoll l-immigranti rrakkontaw dak li għaddew minnu. Sat-tmiem, kulħadd sema’ lil xulxin u kulħadd qal tiegħu.

Inizjamed tixtieq tirringrazzja lil Priscilla Cassar, Glen Calleja u Leanne Ellul li mexxew il-workshops mal-anzjani, l-immigranti u t-tfal rispettivament. Eric Ngalle Charles, il-poeta mill-Kamerun, mistieden tal-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta tal-2019 kien mistieden speċjali u ta żewġ workshops lil ħutu immigranti. Ħajr speċjali lil San Vinċenz de Paul, id-Dar ta’ San Ġużepp u l-Komunità Sudaniża f’Malta li fetħulna l-bibien tagħhom biex dan il-proġett seta’ jseħħ. Il-proġett kien ikkoordinat minn Jean Paul Borg.

Il-gazzetta Niġru Ġrajja tista’ titniżżel minn hawn jew tinqara hawn isfel.

Dan il-proġett huwa megħjun mill-Premju tal-President għall-Kreattività, ġestit konġunt mill-Uffiċċju tal-President ta’ Malta u l-Kunsill Malti għall-Arti.