Inizjamed Blue White@0.5x
Festival Mediterranju tal-Letteratura ta Malta / Malta Mediterranean Literature Festival
Ċar Kristall? Crystal Clear? – 6 ta’ Novembru 2021

Ċar Kristall? Crystal Clear? – 6 ta’ Novembru 2021

It-traduzzjoni tal-poeżija

Car Kristall Festival tal Ktieb 2021

English version below.

Attività mnebbħa mill-poeżiji li ġew tradotti waqt il-laboratorji ta’ traduzzjoni li saru fuq medda ta’ 15-il sena ta’ edizzjonijiet differenti tal-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta. Il-parteċipanti se jkollhom l-opportunità jisimgħu l-poeżiji u jiddiskutu t-traduzzjoni tal-poeżija.

Kelliema: Adrian Grima, Claudia Gauci, Nadia Mifsud, Simone Inguanez. Moderatur: Kit Azzopardi.

Ibbukkja post għal dan l-avveniment billi timla din il-formola. Id-dħul għal dan l-avveniment ikun permissibbli biss jekk tippreżenta ċertifikat validu tat-tilqim.

Ġabra tal-poeżiji li nqalbu waqt il-laboratorji tat-traduzzjoni se titnieda iktar ‘il quddiem. Intant, jekk tixtieq tixtri kotba tal-kittieba ta’ Inizjamed jew ta’ dawk l-awturi li kienu mistiedna għall-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta, żur lil Mallia & D’Amato Booksellers.

Hija obbligatorja li tirreġistra minn qabel għall-avvenimenti kollha tal-programm tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb.

Żjarat fiż-żona tal-ħwienet tal-kotba ma jeħtiġux reġistrazzjoni minn qabel u lanqas il-preżentazzjoni ta’ ċertifikat ta’ tilqim.

Car Kristall Adrian Grima Virginia Monteforte web 1
Ritratt ta’ Virginia Monteforte.

Adrian Grima (1968) huwa poeta, novellier u akkademiku. Ħareġ tliet kotba ta’ poeżiji u ħa sehem f’festivals u avvenimenti letterarji oħra f’Malta u barra minn Malta, fosthom in-Nikaragwa, l-Indja, l-Indoneżja, l-Awstralja, u bosta pajjiżi fil-Mediterran u l-Ewropa. Il-poeżiji tiegħu nqalbu f’għadd ta’ lingwi u ġew ippubblikati barra minn Malta. Fl-2012 ħareġ ġabra ta’ novelli għall-adolexxenti bl-isem ta’ Din Mhix Logħba (KKM) u bi tpinġijiet ta’ Karen Caruana. Sal-2018 kien il-koordinatur tal-organizzazzjoni Inizjamed li torganizza l-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta. Fl-2019 ħareġ Skizzi għas-Sette Giugno, ċiklu ta’ poeżiji f’album ta’ mużika jazz ta’ Dominic Galea (2019) u għadu kemm kiteb ċiklu ieħor imnebbaħ mill-Awtonomija tal-1921. http://www.adriangrima.com

Car Kristall Claudia Gauci Giola Cassar web 1
Ritratt ta’ Giola Cassar.

Claudia Gauci twieldet fl-1976. Ippubblikat l-ewwel ġabra tagħha ta’ poeżiji, Sekonda qabel tqum (Edizzjoni Skarta), fl-2013. Il-ġabra kisbet it-tieni post fil-Premju Nazzjonali għall-Ktieb, fil-kategorija tal-poeżija. Hija ttraduċiet diversi kotba għat-tfal għall-Malti, u wieħed minnhom, Magni taż-Żmien (Merlin Publishers, 2017) rebaħ il-Premju Nazzjonali 2018. Bħalissa, Gauci qed taħdem fuq it-tieni ġabra ta’ poeżiji tagħha li għandha toħroġ is-sena d-dieħla kif ukoll fuq avventura ġdida bil-proża. Hija membru attiv ta’ Inizjamed, NGO li tippromwovi l-letteratura fil-Mediterran u lil hinn. Ipparteċipat f’diversi festivals u ttraduċiet għall-Malti diversi poeżiji waqt il-workshops tat-traduzzjoni tal-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta.

Car Kristall Nadia Mifsud Emma Mutschler web
Ritratt ta’ Emma Mutschler.

Nadia Mifsud twieldet fl-1976, iżda ilha tgħix Franza 24 sena. Nadia tgħallem, tittraduċi, u tikteb — kultant poeżija, kultant proża, kultant taħlita tat-tnejn (ġieli xejn). Fl-2009 dehru l-ewwel poeżiji tagħha fil-ġabra żugraga. Hija rebħet il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb bil-ġabra Kantuniera ‘l bogħod (Edizzjoni Skarta, 2015). Fl-2017 deher l-ewwel rumanz tagħha, Ir-rota daret dawra (kważi) sħiħa (Merlin Publishers). Din is-sena qed jidhru żewġ pubblikazzjonijiet ġodda: żifna f’xifer irdum (Merlin Publishers) u Varjazzjonijiet tas-skiet (EDE). Nadia qalbet għall-Franċiż bosta xogħlijiet ta’ Norbert Bugeja, Claudia Gauci, Maria Grech Ganado, Simone Inguanez, Pierre J. Mejlak, Immanuel Mifsud u Karl Schembri. Ilha involuta f’Inizjamed mill-2011.

Car Kristall Simone Inguanez Thomas Langdon web
Ritratt ta’ Thomas Langdon.

Id-dritt. Ix-xjenzi soċjali. Il-lingwa. L-istrateġija kulturali. It-traduzzjoni. Il-poeżija. Dawn, uħud mill-oqsma li Simone Inguanez merħet fihom. U li, ftit jew wisq, sawru l-mara/tifla li hija llum. Il-mara/tifla li ssib is-seħer fil-kliem u l-ħsejjes, fl-uċuħ u s-skiet : fin-narrattivi  innoċenti/mqarba jitlajjaw, jistaħbew u jfiġġu.

Kif jixhdu l-ħsejjes ta’ wħud minn kliemha, Simone Inguanez twieldet Bormla – Fuq San Pawl – fi flett imgermed, nieqes mil-lussi ċkejkna ħlief għal tejprikorder, u televixin blekkendwajt, u l-ewwel kotba għeżież li kellha d-dinja bihom.

It-traduzzjoni tagħha Il-Familja Frattarija u d-Dar li Tagħtas (Xogħol oriġinali: Kari Smeland l Illustrazzjoni: Francesca Grech l Pubblikazzjoni: Merlin) rebħet il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2021 (Premju Terramaxka) fil-kategorija Traduzzjonijiet (8-12).

Għalija ftit li xejn huma l-atti li jisbqu l-intimità tat-traskreazzjoni. Iġġarrab, tifli, tassimila, tgħin – il-kitba – tleffef ilbies ieħor, tonfħilha fi mnifsejha nifs fietel, tislifha leħen minn tagħna, iżżeffinha ħelu għal ritmi oħra, tiftħilha t-twieqi u l-bibien, tlaqqagħha b’għożża ma’ ta’ ġewwa, u jħalltu u jaqsmu…

Kit Azzopardi web
Kit Azzopardi

Kit Azzopardi (1991) hu lettur fil-Junior College Ġ.F. Abela u, meta ma jkunx qed jikkoreġi, issibu jaqra, jikteb għat-TV, jew jeditja. Huwa wkoll it-traduttur ta’ erba’ kotba tat-tfal dwar il-karattri Vinċilot u l-Kaptan Sharky. Meta jkollu bżonn brejk mill-kotba, iħobb jimxi billejl jew fi-ftuħ, jew jara xi film animat. Flimkien ma’ Simone Inguanez u John P. Portelli, Kit hu wieħed mill-edituri tal-ġabra tal-poeżija Tgħanniq Ieħor – Poeżiji mill-Iżolament.


Translating poetry

An activity inspired by the poems translated during 15 years’ worth of translation workshops held as part of the annual Malta Mediterranean Literature Festival. Participants will be able to listen to poetry readings and to discuss poetry translation.

Speakers: Simone Inguanez, Claudia Gauci, Adrian Grima, Nadia Mifsud. Moderator: Kit Azzopardi.

Book your seat for this event by filling in this form. You must present a valid vaccine certificate to access this event.

A collection of the poems translated in the workshops will be published later on. In the meantime, please visit Mallia & D’Amato Booksellers to purchase books by Inizjamed authors, and by authors who had taken part in the Malta Mediterranean Literature Festival.

Registration is obligatory for all the events on the programme of the National Book Festival.

The bookshop area of the festival does not require prior registration or the presentation of vaccine certificates.