Il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta' Malta / Malta Mediterranean Literature Festival
Festival f’Fortizza

Festival f’Fortizza

Jean Paul Borg. Photo by Katel Delia.
Jean Paul Borg (Katel Delia)

Forsi hija kontradizzjoni li bħala Inizjamed għażilna fortizza mibnija f’era kolonjali sabiex fiha niċċelebraw l-aħħar iljieli ta’ dan il-Festival Mediterranju tal-Letteratura.

Il-fortizzi għandhom tendenza jippreservaw, ma jippermettux taħlit u l-bibien tagħhom ikunu mbarrati. Fortress Europe, il-frażi propogandistika ta’ żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, għadha sa issa tidwi mal-irjieħ Ewropej meta xi wħud iħossu d-demm speċjali Ewropew qed jitħallat, forsi anke ma’ dak Mediterranju bħal tagħna. Imma l-umanità u dak kollu li għandu x’jaqsam magħha jista’ qatt ma jkollha elementi kontradittorji? Ibda mill-baħar Mediterranju li aħna mdawra bih. Daqskemm għaqqadna ma’ kulturi differenti, iżolana minn kulħadd. L-istess il-Mediterran innifsu u l-ekotipi tiegħu. Fuq naħa hemm il-widien li jżommu l-ilma u jħaddru, fuq naħa oħra d-deżert, u xi mkien ieħor il-metropoli.

Forti Sant'Iermu

Spazju, kbir jew żgħir, huwa dak li tagħmlu inti. Matul il-Festival, naraw li l-bibien ikunu miftuħin beraħ għall-pubbliku, il-ħitan għolja jkennu minflok ibarru. F’dan l-ispazju jiltaqgħu tnax-il awtur minn disa’ pajjiżi, u l-kliem, il-lingwi, ir-ritmi, il-ħsejjes u l-ħsibijiet varji tagħhom li joħolqu letteraturi differenti li jitħalltu u nisperaw jiddakkru. F’nofshom, permezz tal-erba’ awturi Maltin, l-ilsien Malti se jkun protagonist, se jilgħab pari mal-lingwi mitkellma mill-miljuni, u kultant se jissellef, iva, kif jagħmel kull ilsien ieħor.

Huwa xogħol dan il-Festival ukoll li jiċċelebra u jfakkar l-għeruq Mediterranji ta’ din il-blata. Bħalissa qegħdin f’amnesija ta’ dawn l-għeruq. Jitfakkru biss kultant quddiem il-persuna li biħsiebha għal ftit jiem tilbes il-libsa ta’ turist, u l-bqija tal-ħin jitgħattew bil-konkrit jew bi kwalunkwe element ieħor bla gost, ma nistax ma niftakarx fi kliem Immanuel Mifsud, awtur mistieden f’dan l-istess Festival, “il-knaten u l-konkrit ma jarmux fwieħa.” Quddiem l-oġġettività ma taħfirx ta’ din l-attitudni, għandna biss is-suġġettività tal-lingwa, l-unika għodda ta’ dan il-Festival. Kemm il-lingwa se tittraxxendi lil hinn mill-konfini ta’ din il-fortizza huwa f’idejna. U xi ftit f’idejk ukoll.

Jean Paul Borg
3 ta’ Awwissu 2019