Il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta' Malta / Malta Mediterranean Literature Festival
Ir-Rabta bejn il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb u l-Festival

Ir-Rabta bejn il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb u l-Festival

Ftit tal-ġimgħat ilu, tħabbru l-finalisti tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, kunsill li qed jikkollabora ma’ Inizjamed f’din is-sbatax-il edizzjoni tal-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta. Din il-lista finali għandha tmien kategoriji differenti, li tolqot ġeneri u forom varji letterarji. Hija lista li toffri stampa ta’ x’qed joħroġ bħalissa fis-suq Malti, x’qed jimmotiva lill-kittieba Maltin biex jaqsmuh mal-qarrejja, u fl-aħħar mill-aħħar hija wkoll lista ta’ xogħlijiet li għaddew minn għarbiel ta’ aġġudikazzjoni u għalhekk tagħti timbru ta’ kwalità. Fl-ispirtu tal-Festival, qed naqsam il-ħsibijiet tiegħi fuq tliet kotba minn tliet kategoriji differenti u minn awturi differenti li jew għandhom storja ma’ dan il-Festival, jew se jidħlu fl-istorja tal-Festival għall-ewwel darba permezz ta’ din l-edizzjoni.


Midsea Books KKM Minn Taht l Ilsien Rita Saliba 1

Waħda mill-ġabriet ta’ novelli, fil-lista finali huwa Minn Taħt l-Ilsien ta’ Rita Saliba. Saliba kienet waħda mill-awturi Maltin mistiedna fl-edizzjoni tal-2016.

Minn Taħt l-Ilsien huwa titlu li ma jqarraqx. L-awtriċi, minkejja l-esperjenza twila tagħha fir-rakkuntar tal-istejjer, tagħżel li twassal l-istejjer tagħha b’vuċi baxxa, mhux minħabba nuqqas ta’ kunfidenza imma għax il-karattri tagħha hekk imdorrijin. F’din il-ġabra għandna serje ta’ karattri anonimi li l-ordinarjetà ta’ ħajjithom tisraqilhom l-identità, il-ħolm u l-istima tagħhom infushom. Għandna karattri li tant huma mgħerrqa fl-anonimità tagħhom li sempliċiment ħarsa lejhom tgerrixhom, iġġegħelhom iħossu aktar il-vulnerabbiltà, minflok jirreċiprokawha. Il-karattri tant huma anonimi li rarament jingħataw isem. Madankollu, minkejja din l-inviżibbiltà tagħhom, għandhom storja x’jirrakkuntaw u Saliba tara li b’mod jew ieħor din twassalha.

Saliba tfakkar li la l-anonimità u lanqas l-ordinarjetà ma jimpedixxu lill-minsija milli jidħlu f’sitwazzjonijiet lil hinn mill-konvenzjonali. L-awtriċi għandha l-awdiċità li tifflirtja mal-fantastiku u s-surrealistiku, b’mirja u qtates fil-qofol ta’ dan kollu, li jpattu għan-nuqqas tas-supereroj. F’dan il-proċess, in-narratur ta’ Saliba li xi minn daqqiet hu maskili, xi minn daqqiet huwa femminili, joħroġ lill-qarrejja mill-fosdqa tagħhom, iġegħelhom iħarsu taħt il-qoxra, x’joħroġ minn taħt l-ilsien u x’hemm wara kull tlissina ta’ persuna. Saħansitra tippreżenta karattru partikolari li tant hu minsi, li juża l-lipstick biex jiġbed l-attenzjoni, imma mhux billi jpoġġih fuq xufftejh jew partijiet oħra ta’ ġismu. Tgħid irid ipattiha lil min nesieh?

Minn Taħt l-Ilsien huwa pubblikazzjoni ta’ Klabb Kotba Maltin u jista’ jinkiseb minn hawn


QoxraFinali Hassartek RGBFRONT

Fil-kategorija tal-poeżiji daħal isem żagħżugħ ġdid – Matthew Schembri, bil-ġabra tiegħu Ħassartek. Iż-żgħożija ta’ dan il-poeta mhix biss fl-età imma anki fil-forom li jippreżenta minħabba li huma forom inortodossi, u huma marbuta ma’ installazzjoni li se tkun preżenti fil-Forti Sant’Iermu waqt il-Festival.

Schembri, l-ewwel, kien leali lejn il-proża, billi kiteb ħafna, tant li ħareġ rumanz bl-isem ta’ Stessi, tajjeb biżżejjed biex jirbaħ il-Konkors ta’ Kitba – Letteratura għaż-Żgħażagħ u wara, kien żleali lejh billi qagħad iħassar minnu, u jekk hawn min mix-xewk joħroġ il-ward, Schembri mill-iżlealtà ħareġ il-poeżija, f’forma artistika, li tħalli l-vojt jitkellem, u lill-kliem jinterrompi dan il-vojt.

Mill-ħafna forom tal-poeżija, minn fissi għal ħielsa, minn konvenzjonali għal esperimentattivi, Schembri għażel li l-forma tkun kollox. Kuntrarju ta’ ħafna li ġew qablu, ma rax il-forma bħala kontenitur li jrid jimtela bil-versi, imma bħala l-kontenut ta’ xogħlu. Wera biżżejjed kuraġġ biex lill-forma taha valur indipendenti. Minkejja li l-kliem jista’ jidher sparpaljat, Schembri baqa’ leali lejn fejn deher oriġinarjament, u fil-proċess ħalla żewġ testi jikkomunikaw ma’ xulxin.

Għalhekk, il-qarrejja għandhom aktar minn poeżija f’idejhom, għandhom ktieb b’paġni li jekk trid tista’ tagħżel minnhom u taqtagħhom mill-bqija u twaħħalhom inkwadrati ma’ ħajt, bi ftit kliem ’l hemm u ’l hawn flok daqqiet ta’ pinzell, u fi sfida għall-elementi barokki li nsibu f’ħafna spazji Maltin.

Ħassartek jisfida l-forom tal-poeżija li rajna sa issa, minn romantiċi sa moderni, u għalhekk għandu jinqara minn min jaħseb li dawn biss huma poeżiji, u daqstant ieħor għandu jkun f’idejn minn min sa issa qagħad lura mill-poeżija, għax dawn poeżiji differenti ħafna minn dawk li studja fil-klassi.

Ħassartek huwa awtopubblikat bl-għajnuna tal-Kunsill Malti għall-Arti u jista’ jinkiseb minn hawn.


ScreenShot2021 11 01at15.16.22 720x

Skont Mark Vella, il-kategorija tar-rumanz hija normalment l-aktar waħda miġġielda u mistennija. Fost l-erba’ ismijiet li baqa’, hemm Aleks Farrugia permezz ta’ Camerata!, li huwa wieħed mill-awturi mistiedna għal din l-edizzjoni.

Waqt li Farrugia se jkun fil-lista tal-awturi tal-Festival għall-ewwel darba, ismu mhuwiex ġdid għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb. Il-ġabra ta’ novelli tiegħu Għall-Glorja tal-Patrija ġabitlu glorja mhux ironika meta rebħet il-premju fil-kategorija tan-novelli għas-sena 2020. 

Camerata! jeħodna lura lejn it-tletinijiet, fi żmien li forzi diversi fl-Ewropa kienu qed jaħmu dik li kellha tkun it-Tieni Gwerra Dinjija. Il-karattru prinċipali, l-Ispettur Salvu Camilleri, imma hu kollu kemm hu f’Malta, b’eċċezzjoni għal ftit jiem li fihom jivvjaġġa lejn l-Italja u jara b’għajnejh il-ferneżija li bħalissa qed jilqgħu biha lid-Duċe Mussolini, tant li għal ftit ħin jinġarr minnha u jdejh togħla awtomatikament f’salut għalih u tibqa’ hemm fl-arja għal mumenti sħaħ.

L-Ispettur qiegħed l-Italja biex jinvestiga jekk l-istess Duċe hux qed ilesti biex jinvadi lil Malta bl-għajnuna ta’ tradituri Maltin. Imma riħ ta’ siegħa jista’ jnaddaf qiegħa? Wara kollox, huwa iben ta’ traditur li waqt li kien għadu f’ġuħ ommu qatel lill-gvernatur Ingliż u ngħata l-forka, li daqskemm taqtagħlu nifsu darba għal dejjem, tikkundanna daqstant ieħor lil omm u lilu għadu f’ġufha għal ħajja bi ftit nifs sforz il-miżerja. 

David Aloisio jirrimarka li dan ir-rumanz huwa opportunità għall-qarrejja biex jirriflettu fuq ir-realtà soċjali attwali, realtà li minn żmien għal ieħor tippermetti l-akkużi ta’ tradiment lil persuni li jinħassu differenti. Fil-proċess tiegħu lejn l-għeluq il-plott tar-rumanz jikxef veritajiet skomdi li min jaf bħalissa hux qed jinħmew ukoll minn wara daharna.

Camerata! huwa pubblikazzjoni ta’ Sensiela Kotba Soċjalisti u jista’ jinkiseb minn hawn.


Minbarra fuq is-siti online, dawn il-kotba se jkunu offruti wkoll minn Mallia & D’Amato Bookshelf Curators waqt il-Festival.

Din is-sena, ir-rebbieħa se jitħabbru waqt ċerimonja fl-4 ta’ Novembru u għalhekk se jiġu ċċelebrati waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb li se jittella’ bejn it-23 u s-27 ta’ Novembru fl-MFCC f’Ta’ Qali.

Dan l-artiklu nkiteb minn Jean Paul Borg.