Awturi mill-aqwa għall-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta
Il-Ħamis 29 | Il-Ġimgħa 30 | Is-Sibt 31 ta’ Awwissu 2013
Msida Bastion Historic Garden, IL-FURJANA – 8.00pm
It-tmien edizzjoni tal-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta organizzat minn Inizjamed se ssir nhar il-Ħamis 29, il-Ġimgħa 30 u s-Sibt 31 ta’ Awwissu 2013 fil-ġnien magħruf bħala Msida Bastion Historic Garden, il-FURJANA. Id-dħul huwa b’xejn. Ikun hemm mejda bil-kotba tal-awturi, u ikel u xorb għall-bejgħ. Il-qari jkun b’għadd ta’ lingwi imma l-iktar bil-Malti u bl-Ingliż, fosthom l-intervisti mal-kittieba.
Se jieħdu sehem il-kittieba Angela Bonanno (Sqallija), Tsead Bruinja (l-Olanda), Maria Grech Ganado, Khaled Khalifa (is-Sirja), Mazen Maarouf (il-Palestina/l-Iżlanda), Nikola Madzirov (il-Maċedonja, FYROM), Immanuel Mifsud, Denisa Mirena Pişcu (ir-Rumanija), Monique Roffey (Trindidad/ir-Renju Unit), Karl Schembri (Malta/Gaża), u Fahredin Shehu (Kosova).
Fit-tliet lejliet se jintwerew films qosra minn Reel Festivals li se jiġu ppreżentati minn Caldon Mercieca. Il-kitarrist Jes Psaila, id-drummer Michael Galea, il-kantant u mużiċista Justin Galea, u l-poeta Tsead Bruinja se jdoqqu flimkien il-Ħamis u l-Ġimgħa waqt li s-Sibt se jdoqq id-duo ta’ mużika jazz magħmul minn Joe Debono fuq il-pjanu u Manuel Pulis fuq id-drums.
Fil-festival ta’ din is-sena se jitnieda l-ktieb Klijenti Antipatiċi u Kapuċċini Kesħin, ġabra ta’ novelli minn awturi internazzjonali li ħadu sehem fil-festival tradotti għall-Malti minn kittieba ewlenin u miġburin minn Clare Azzopardi u Albert Gatt, b’disinn tal-artist Pierre Portelli. Se jinbiegħ ukoll ktieb ieħor ippubblikat din is-sena minn Inizjamed, Għaraq Xort’Oħra, b’ġabra ta’ poeżiji gay ta’ Brane Mozetic u novelli lesbjani ta’ Suzana Tratnik maqlubin għall-Malti minn awturi ewlenin. Il-ktieb ġie editjat minn Clare Azzopardi u Albert Gatt u ddisinjat minn Marco Scerri.
L-edizzjoni tal-2013 tal-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta u l-laboratorju tat-traduzzjoni qed jittellgħu minn Inizjamed bl-għajnuna ta’ Din l-Art Ħelwa, il-British Council, Middlesea Insurance, ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, Reel Festivals, u l-Culture Programme Success Scheme mmexxi mill-Cultural Contact Point ta’ Malta.
Għal tagħrif dettaljat ara s-sit www.inizjamed.org, il-paġna tal-festival fuq Facebook, jew ikteb lil inizjamed@maltaforum.org.