Probabbilment dawk kollha li għexu nhar is-16 t’Ottubru 2017, jiftakru fejn kienu meta waslet l-aħbar. X’kienu qed jagħmlu. Mingħand min semgħuha. X’qalu meta semgħu x’ġara. Forsi x’ma rnexxilhomx jgħidu.
Minn dakinhar, ħafna affarijiet intqalu, u daqstant ma ntqalux. Fosthom li Daphne qalet wisq. Fosthom li kellha tgħid iktar, u min jaf x’kien se jkun dak li kien għad kellha tgħid. Li kliemha ġabha fejn ġabha. Li kliemha ġabna fejn qegħdin illum.
Tgħallimna li kienet kelma b’kodiċi, mibgħuta minn apparat li nużaw kuljum biex nitkellmu bih, li qatlet lil Daphne, li ħarqet toqba fil-kalendarju, li xaqqet, qasmet u firdet il-“qabel” minn mal-“wara”.
Kelma b’ittri li waħidhom ma jagħmlux sens, li qatlet u sikktet kliem li għal uħud kien qed jagħmel wisq sens. Sakemm uħud oħra dehrilhom li kien wasal il-mument, li kien jagħmel sens, li jitwaqqaf kliem Daphne.
Li jissikket kliem skomdu hi xi ħaġa li ilha sseħħ – erġajna rajniha m’ilux bl-attentat fuq Salman Rushdie, u nibqgħu narawha kuljum. Narawha sseħħ kull fejn hemm dawk li, minkejja li għandhom wisq poter f’idejhom, iħossuhom mhedda minn kelma. Kelma li tikxef dak li riedu jostru. Kelma li titfa’ dawl skomdu fuq dak li kellu jibqa’ moħbi. U r-reazzjoni taf tibda bi kliem ieħor, kliem mgħawweġ, kliem li jipprova jgħatti l-kliem. Kliem li jinftiehem biss minn widnejn li ġew imħarrġa biex jisimgħu biss tip wieħed ta’ kliem, u mhux ieħor. Minn imħuħ li mtlew bi kliem mgħawweġ u allura saru jagħrfu dak it-tip ta’ kliem biss. Imma kultant, il-kliem li jikxef jaf kif jidħol anke fl-imħuħ fgati. Jaf iċarrat l-għamad. U meta dawk li jridu jostru jibdew jibżgħu minn dan il-kliem, iċarrtu lilu, u lil min kitbu.
Il-libertà tal-espressjoni ma tistax tinħass jekk m’hemmx il-libertà tal-ħsieb. Il-libertà tal-ħsieb mhix il-libertà li taħseb biss dak li minn qaddisek ħsibt jew ġegħluk taħseb; jekk ma tmurx lil hinn, dak jiġi jasar tal-ħsieb.
Il-libertà tal-ħsieb tibda meta nkunu lesti li niżnu, li nagħrfu, li nifhmu. Meta nagħmlu hekk, inkunu nistgħu nagħtu, nirċievu, u nerġgħu mmexxu l-kliem li jgħajjex, il-kliem li jdawwal.
Fil-ħames sena minn mewtha, fil-ħames sena fejn ħafna affarijiet għadhom moħbija, fil-ħames sena fejn ħafna għadhom ma jridux jaraw x’ġara u x’għadu jiġri, nixtiequ infakkru u niftakru billi naqsmu l-kliem ta’ żewġ membri ta’ Inizjamed, Leanne Ellul u Nadia Mifsud, mitkellem minnhom stess. Il-poeżiji dehru għall-ewwel darba fil-publikazzjoni ta’ PEN International For Daphne Caruana Galizia (https://pen-international.org/app/uploads/Daphne-Memorial.pdf) u ġew irrekordjati għall-okkażjoni ta’ The Daphne Festival li ttella’ ftit tal-jiem ilu f’Londra. Ħajr lil PEN Malta.