Inizjamed Blue White@0.5x
Festival Mediterranju tal-Letteratura ta Malta / Malta Mediterranean Literature Festival
Inizjamed

Ġanni Bartolo

Siltiet minn intervista dwar l-ilma ma’ Ġanni Bartolo li jaħdem ir-raba’ f’Tal-Virtù, ir-Rabat

Nathalie Grima u Virginia Monteforte

Photography by Virginia Monteforte

Lulju 2013

Virginia Monteforte. Water in Ġanni Bartolo’s fields

Meta ma jagħmilx xita naqra problema, u. Naħseb jien l-akbar problema mhux il-bidwi qed jagħmilha, qed jagħmilha s-sinjur ġos-swimming pool għax is-swimming pool mhux tajjeb biex issaqqi u jintrema. Jiena taqtira waddabtha kibret pjanta u baqgħet nieżla.

Imbagħad il-problema li jkollok fejn iżżomm l-ilma tax-xita. Għax aħna għandna dawn il-ġwiebi l-antiki imma fiż-żmien tal-lum ġejna żmien li trid issaqqi l-prodott biex twasslu. Jien niftakar meta konna tful kien jinżel l-ilma tal-ħalib kinna ngħidulu, għax jaħleb ngħidu, jinżel mill-ħamrija. Ilma tax-xeba’. Kien joqgħod ileqq bix-xemx qisu djamanti għax jinżel minn ġol-ħamrija għal ġol-widien, minn tax-xita, u ġieli jdum pereżempju sa Mejju, sa Mejju, April kien jasal, imbagħad jibda jinxef l-ilma. Għalhekk imbagħad wara Mejju jgħidulek ġie l-plejju għax nixef, qed tifhem? Il-kliem tan-nanniet qiegħed kollu hemmhekk.

Imma issa l-problema hi din u: issa fil-bidu tas-sena għamel ħafna xita fil-bikri u hekk imur fil-baħar, ma xorob xejn ġol-ħamrija. Għax il-ħamrija tkun ballut, twaddbilha l-ilma ma tixrobx għax ikun trab irqiq. Imbagħad, xħin tibda tumda tibda tixrob l-ilma jinżel ’l isfel. Ara, bħal meta jagħmel id-dulluvju fil-bikri, f’Settembru. Jew bħal meta jagħmel fl-eqqel tas-sajf: l-ilma ma jidħolx ġo fiha għax ma jkunx għadu umdu. Mhux tafal hawnhekk għandu, forsi 20% tafal, hawn mhux li hu tafli bħal pereżempju t’hemm fuq: dak jgħidulu t-tafal.

virginia-monteforte_DSC_3044
Virginia Monteforte. In Ġanni Bartolo’s fields

Kif tiġbruh l-ilma?

Aħna xħin tagħmel ix-xita nibdew niġbru mal-ewwel. Pereżempju għandi s-serer, dak għandi l-bir hemmhekk. Fix-xitwa bl-ilma tax-xita nkun qed naħdem, u. Imma skont. Għax-xitwa jkolli imma għax intellgħu mill-wied aħna. Imma xħin jiġik bħal-lum pereżempju, it-tadum trid issaqqih kuljum. Għandek siġra li trid l-ilma. Kulħadd irid l-ilma. Dan tinsiex qegħdin fuq sena ta’ kastig, u. Mingħajr xita.

Dan il-kliem antik tal-biedja tgħaddihulhom lit-tfal tiegħek?

Ngħaddihulhom imma ġieli tħaddidt ma’nies li tgħidilhom “ħalib” jibdew jidħqu bik għax jgħidulek din il-kelma “ħalib,” “ħalib” imorru għal ħalib biss. Imma dan kliem li tgħallimtu jien mingħand missieri, voldieri mhux ivvintajtha jien. Titħaddet mal-anzjuni jgħidulek “ħaleb is-sena,” “is-sena ilu ma jaħleb żmien.” “Ħaleb” jiġifieri għamel ix-xita. Li r-raba’ xeba’. [Jipponta lejn għalqa faċċata ta’ fejn qegħdin aħna.] Inti dik faccata, dik l-għalqa għandek il-bluta u hemm il-ħajt tas-sejjieħ, jiġifieri kemm għandek ħajt tas-sejjieħ hemmhekk hemm ħamrija. Issa meta tagħmel ix-xita niżel mill-ħamrija u wasal sal-blut u allura l-blut mhux ħa jixrob l-ilma. Jibda ħiereġ ’il barra. Għalhekk ngħidulu “tax-xeba’,” “tal-ħalib,” għax imbagħad jaf jagħmillek xahrejn, tliet xhur nieżel iqattar. Ma jinżilx kollu mill-ewwel; jinżel bil-mod. Issa inti hemmhekk għandek żewġ piedi ħamrija minbarra sodda oħra terrapien.

It-tfal jieħdu interess imma hemm problema għall-ħajja biex tgħix illum, xogħol iebes, ħadd ma jrid jaħdem. Issa pereżempju ħmistax oħra nibdew naqtgħu t-tadum għat-tagħsir. Kulħadd jgħidlek ġib is-suwed għax ma jridux jaħdmu għax ix- xogħol iebes, imma jekk trid toqgħod paxxut mal-art. Sa dalgħodu stess lit-tifla għedtilha oħroġ mill-iskola, imma qaltli l-iskola aħjur. Komda issa. Hawn biss naħdem, naħdmu jiena u l-mara u jgħinuna naqra t-tfal.

Virginia Monteforte. In Ġanni Bartolo's fields
Virginia Monteforte. In Ġanni Bartolo’s fields

Kemm iddumu taħdmu l-għalqa?

Għandek ħmistax-il siegħa kuljum u l-Ħadd, ħa ngħidu hekk, nagħmlu nofstanhar. Xorta jkellok taħdem il-Ħadd hawn, ix-xogħol dejjem trid idduru. Ġieli anke bil-lejl ikollok tqum għax ġieli jiġu l-klieb jibdew ifittxu l-ġrieden. Ikollok toħroġ biex tkeċċihom. Klieb mhux tiegħi, tiskanta jiltaqgħu tlieta, isibu xi ġurdien pereżempju bħal ma hemm it-tadam hemmhekk. Ifittxu għalih u jtaqqbu l-pipes. Biċċa plastik.

Riki, il-mara tiegħek, tgħid li l-kwalità u t-togħma tal-ħaxix u l-frott jiddependu mit-tip ta’ ilma

Ħeqq, bħal meta jkollok ilma tax-xita. Issa l-problema li ma tantx għandna fejn nagħmlu ħafna. Ix-xita ma tantx għadha tagħmel. Jekk ma jkellekx il-borehole ma jservikx għax issa għandek is-sajf trid issaqqi kuljum. Għandek ix-xemx twila, għandek tnax-il siegħa xemx taħraq.

Dak għandek ilma li jkun salmastru. Meta jkun salmastru ħa jkollok aktar imluħa, mhux ħa jkollok ħlewwa bħal meta għandek l-ilma hawnhekk, għandna l-ilma ġej minn tal-muntanja, ngħidulu aħna, minn tal-għoljiet. Aktar ma tinżel ’l isfel mal-baħar aktar għandek ċans li ħa jkollok melħ.  Anke tiġi biex tixrob l-ilma, inti tkun imdorri ttiegħmu. Pereżempju tmur minn raħal għal ieħor anke ġol-vit ukoll jagħmel moviment l-ilma.

Imbagħad għandek waħd’oħra: hawnhekk il-ħamrija bajjud ngħidulu. Il-prodott jiġi ħelu iżjed mill-aħmar għax jieħu ż-żmien biex isir iżjed, bħal meta bħal speċi għandek borma sajjart bil-mod minflok ħtaft l-ikel. Hawnhekk iddum iżjed għax hawnhekk qegħdin fl-għoli u jkun hawn il-frisk, pereżempju tinżel ’l isfel bħal, ħa ngħidu hekk, bħal Ħal Qormi nżilt ’l isfel għandek hemm is-sħuna iżjed. Kieku fis-sajf tiġi fl-għaxija, hawn għal hemm hawnhekk tħoss il-frisk. Għalhekk ġieli hawnhekk ġieli jgħidulek insew f’ħafn’urja hawnhekk minn meta tmur ġo raħal ’l isfel. Inti għandek is-sħuna ħa tkabbar. Issa fis-sajf m’hemmx dak il-muviment kbir imma fix-xitwa però, l-aktar post li hawn ġo Malta mwaħħar, jiġi mwaħħar, jiġi tard. Għax inti pereżempju timxi fis-sajf fis-sagħtejn ħufja hawnhekk timxi. Jekk tmur, pereżempju tmur f’ċertu raba’ ħamri taħraqlek sieqek bħal meta tmur ġor-ramel ma’ bajja ma tistax timxi u tmur f’ċerti bajjiet timxi għax ix-xemx skont f’liem’ post li tagħmel l-iżjed. Għalhekk inti x-xogħol hemm il-prodott imbagħad. Pereżempju l-ħamri bħala prodott jagħti iżjed minn hawnhekk voldieri, hemm il-vantaġġi…

Pereżempju bħala patata ġol-ħamri jagħmel iżjed minn hawnhekk pero imbagħad fit-togħma jekk tagħmel oġġett waħdu bla melħ ittogħmu li jagħmel ħelu iżjed. Pereżempju anke qargħabalija, patata u hekk, ħafna affarijiet jagħmlu muviment. Darba kelli patata ridt inbegħha għall-crisps. Xħin ħaddthielu jkun iridha bil-melħ, allura x’ħin ittestjuwha u hekk qalli mhix tajba għall-crisps din. Ma setgħux jaħmuha din. Imbgħad għall-forn tgħidlek ħu mill-bajda.

One comment

  1. Jentide Naudi

    Prosit ta’ din l-intervista tassew interessanti li permezz tagħha qed nikkonkludi li “surface run-off” jissejjaħ “ilma tax-xeba'”. Għal li jista’ jkun tafu tgħiduli jj jekk “ilma tal-ħalib” hijiex qed tirreferi għal “surface water” jew tfissirx eżatt l-istess bħal “ilma tax-xeba'”. Grazzi ħafna!

Leave a Reply