Inizjamed Blue White@0.5x

Festival Mediterranju tal-Letteratura ta Malta / Malta Mediterranean Literature Festival
Ittra miftuħa lill-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb

Ittra miftuħa lill-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb

Għażiż Sur Camilleri,

Fid-dawl tal-bosta kummenti li tqanqlu dan l-aħħar, tħassibna bl-ikrah. Għażilna li nistennew u ngħarblu. Bħala entità li ilha għaddejja kwart ta’ seklu, li fih ġraw u nqalgħu ħafna affarijiet, jiddispjaċina naraw ċerti ġrajjiet jirrepetu ruħhom.

Ninnotaw li l-kummenti li saru minn impjegata tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb huma serji u li jġorru responsabbiltà. Din mhix kwistjoni ta’ libertà tal-espressjoni imma waħda ta’ akkontabbiltà. Din il-kwistjoni naqqset il-fiduċja fis-settur billi ġew ippreġudikati l-proċessi tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, entità li għandha d-dmir tipproteġi u tippromwovi lill-kittieba u lill-pubblikaturi. F’dan ir-rigward, huwa inkwetanti l-fatt li l-entità li kellha taħdem biex toħloq rikonċiljazzjoni s’issa baqgħet siekta.

Nistennew li l-allegazzjonijiet li tqajmu f’din il-kwistjoni, primarjament li awturi waslu fejn waslu minħabba xi forma ta’ tixħim, kif ukoll li hemm xi prattiċi korrotti fi ħdan il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, jiġu indirizzati minnufih b’investigazzjoni awtonoma u trasparenti. Ir-riżultat ta’ din l-investigazzjoni għandu jiġi ppubblikat fis-sħuħija tiegħu.

F’dawn l-aħħar jiem, saret ħsara b’kummenti dispreġġjattivi li qatt ma kellhom isiru. Ninnotaw li din il-kwistjoni kompliet tifred lill-kittieba, li ġiet issensazzjonalizzata, u li din il-ħsara mhix se tissewwa f’sena jew tnejn. 

Nemmnu li għandhom jinħolqu pjattaformi aħjar għat-trasparenza u għal djalogu miftuħ bejn l-għaqdiet u l-individwi. Nittamaw ukoll li xi darba l-kittieba jkollhom xogħolhom rikonoxxut b’mod sħiħ, u jinħolqu biżżejjed opportunitajiet biex il-kittieba jkunu jistgħu, xi darba, jinvestu biżżejjed ħin għall-kitba tagħhom. 

Inizjamed se tibqa’ taħdem favur il-letteratura Maltija kif dejjem għamlet f’dawn l-aħħar 25 sena. Inizjamed titlob li jibdew isiru laqgħat, b’mod urġenti u wiċċ imb wiċċ, fejn il-partijiet kollha involuti jiddiskutu b’mod ċivili l-punti li tqajmu u fejn se mmorru minn hawn. Inizjamed se tibqa’ miftuħa biex taħdem ma’ individwi, entitajiet pubbliċi u governattivi oħrajn għat-titjib ġenwin fis-settur. 

Dejjem tiegħek,
Il-kumitat ta’ Inizjamed