F’Malta jsiru għadd ta’ proġetti u avvenimenti letterarji li jirrappreżentaw firxa wiesgħa ta’ tradizzjonijiet letterarji u funzjonijiet. Il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta huwa parti minn dan il-kwadru ikbar.
B’mod ġenerali, meta nagħżlu l-awturi Maltin biex jieħdu sehem fil-laboratorju tat-traduzzjoni letterarja u mbagħad fil-Festival nimxu fuq għadd ta’ kriterji. Dawn li jidhru hawn taħt jagħtu idea tal-fatturi li nqisu.
Qabelxejn, bħal ħafna festival internazzjonali, l-awturi ma jintgħażlux wara sejħa pubblika. L-awturi magħżula jirċievu invit mill-organizzaturi tal-Festival. Nitolbu lill-awturi, kemm il-Maltin kif ukoll il-barranin, biex ma jibagħtux proposti biex jieħdu sehem fil-Festival għax dan mhuwiex il-mod kif naħdmu.
Fil-biċċa l-kbira tal-każi, kriterju importanti huwa d-dispożizzjoni biex l-awturi jieħdu s-sehem fil-laboratorju tat-traduzzjoni letterarja, mibni fuq il-format tan-network Ewropew tal-Literature Across Frontiers li Inizjamed ilha msieħba fih mal-15-il sena. Il-laboratorju jsir fil-jiem ta’ qabel il-Festival u l-lejliet tal-Festival jinbnew fuqu. F’din il-ġimgħa ta’ xogħol minn filgħodu sa wara nofsinhar, l-awturi jirfinaw it-traduzzjonijiet tax-xogħol ta’ ħaddieħor li jkunu għamlu fix-xhur ta’ qabel.
Għalhekk, l-awturi Maltin mistiedna jridu jkunu lesti u kapaċi jaħdmu ħafna fuq it-traduzzjoni tax-xogħlijiet tal-awturi l-oħrajn li jkunu se jipparteċipaw fil-Festival.
Min jieħu sehem irid ikollu interess ġenwin fil-Festival u fix-xogħol tal-awturi l-oħrajn, Maltin u barranin, u kapaċi jaħdem fi grupp. Dan il-festival ma jgħoddx għal dawk l-awturi li ma jridux jaħdmu ma’ ħaddieħor u għal ħaddieħor.
Inizjamed minn dejjem ħadmet fuq il-promozzjoni tal-kitba letterarja bil-Malti. Għaldaqstant, il-biċċa l-kbira tal-awturi Maltin li nistiednu jiktbu bil-Malti.
Wieħed mill-iktar kriterji importanti huwa l-kwalità tal-kitba letterarja. L-aqwa xogħiol possibbli. Għall-Festival importanti li l-kitba tal-awturi (għall-kbar) tkun stilistikament innovattiva u tematikament aġġornata. Waħda mill-isfidi tal-Festival hija li jirrakkonta l-kontemporanjetà lokali u globali.
F’dawn l-aħħar snin qed nagħtu wkoll importanza lil fattur ieħor tal-pubblikazzjoni riċenti ta’ xogħol letterarju. Hawnhekk ukoll, dan mhuwiex kriterju esklussiv, imma jaf jagħti indikazzjoni importanti.
Idealment, l-awturi Maltin li jieħdu sehem fil-Festival ikollhom mill-inqas traduzzjonijiet tajbin ħafna tax-xogħol tagħhom għall-Ingliż. Waqt il-laboratorju tat-traduzzjoni letterarja jintużaw bosta lingwi, fosthom il-Franċiż, l-Għarbi, it-Taljan, u l-Ispanjol, iżda l-lingua franca hija kważi dejjem l-Ingliż.
Dawn il-punti jagħtu idea tal-mod kif nagħżlu l-awturi għall-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta.