Fis-snin bikrin ta’ Inizjamed, waħda mill-membri attivi, Maria Grech Ganado, laqqgħetna ma’ Alexandra Büchler u Literature Across Frontiers. Maria għamlet ħafna għal-letteratura Maltija, għall-ġenerazzjoni ta’ kittieba tal-lum, għall-mara. Imma għalina, li ħafna minna gawdejna mit-tagħlim tagħha, fil-klassi u lil hinn, waħda mill-iktar affarijiet prezzjużi li setgħet tagħmel magħna kienet appuntu din, li fetħet l-orizzonti tal-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta lil hinn minn xtutna. Maria ngħatat ġieħ mill-Università ta’ Malta bil-konferiment ta’ dottorat Honoris Causa fil-letteratura. Nifirħulha t’hekk, u nirringrazzjawha mill-ġdid. Iddedikajna l-ġabra ta’ xogħlijiet li ġew tradotti waqt l-edizzjonijiet li għaddew tal-Festival, xtaqt li kont merkurju, lilha, bħala rikonoxximent, għax mingħajrha ma kienx se jkun hemm il-punt tat-tluq.
Ritratt: Adrian Grima u Maria Grech Ganado. Meħud minn Prof. Carmen Sammut.