Il-proġett tal-films tal-poeżija li Inizjamed nieda fl-2014, flimkien mal-Fondazzjoni Valletta 2018, wassal biex s’issa nħadmu tmien films li minn naħa ġeddu l-poeżiji li nebbħuhom, u min-naħa l-oħra wassluhom s’għand udjenzi ġodda.
Issa li għaddiet is-sena 2018, Inizjamed xorta fi ħsiebha li tkompli dan il-proġett, u qed tfittex modi kif tbiddel in-natura tiegħu bil-għan li l-film tal-poeżija jsir ukoll strument ta’ djalogu mal-kulturi li jdawruna.
Minkejja li m’għadx hemm is-sostenn finanzjarju li kien jingħata qabel biex jinħadmu dawn il-films, Inizjamed xorta se talloka €3,000 biex anke din is-sena jinħadem film tal-poeżija biex jintwera waqt il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta 2019.
Għalhekk Inizjamed qed tiftaħ din is-sejħa għal proposti u tistieden lil diretturi u produtturi tal-films, b’interess attiv fil-films qosra tal-poeżija b’mod ġenerali, u fil-poeżija Maltija moderna b’mod partikulari, biex jieħdu sehem.
Il-proposta għal film tista’ titressaq minn individwu jew minn tim. Jekk tkunu qegħdin tapplikaw bħala tim, il-proposta trid titressaq minn rappreżentant individwali, iżda l-applikazzjoni għandha tinkludi l-firem tal-membri kollha kkonfermati tat-tim sad-data tat-tressiq tal-proposta.
Kull applikant jista’ jissottometti proposta waħda biss.
Il-poeżiji għal din is-sena, miktuba minn Joe Friggieri, huma dawn:
NATURA MORTA
Minn ġol-buqar tal-ħġieġ
fuq pjanu miksi trab
fid-dawl għajjien li jidħol mill-persjani
quddiem ritratt antik tal-ġenituri
il-ward midbiel
kultant iwaqqa’ l-weraq.
ALLA MEJJET
Rajt ċorma tfal b’idejhom lejn is-sema
u rajt raġel għajjien jixxotta l-għaraq
u mara xiħa tgedwed litanija
il-bieraħ ġbidt il-korda
u qgħadt nistenna l-leħen
ġej lura jidwi ħdejja
imm’ issa t-tfal għajjew
u saru rġiel u żżewġu
u r-raġel xjieħ u nesa
u l-mara mietet
u llum il-ħoss tal-korda
jaħbat mal-ħajt u jieqaf
bħal qanpiena truxa
u Kristu għadu tiela’
jerfa’ salib ta’ xejn
u Sisifu jgerbeb ġebla …
META NIĠI BIEX NITLAQ
Meta niġi biex nitlaq għal dejjem
irrid li jkun bil-lejl
bl-iwrieżaq jgħannu qalb il-qamħ
u qamar sħiħ fiz-zkuk tal-awrikarja
u rrid xi ħadd jiftaħli t-tieqa beraħ
ħa noħroġ idi w naqta’ fjur ifuħ
u kewkba kbira
u int, Tereża,
xħin tisma’ r-riħ qed jingħi taħt il-bieb
u jdur qalb iċ-ċipress bħal ruħ għajjiena
itla’ bla ħoss u agħlaq il-purtiera.
Importanti li tara dan il-filmat ta’ Dr Immanuel Mifsud, fejn jiddiskuti l-poeżiji infushom, għalfejn ingħażlu, u jagħti spunti li tista’ tiżviluppa fil-proposta tiegħek.
Importanti wkoll li tniżżel u taqra l-linji gwida (ħolqa hawn taħt), li timla l-formola elettronika, u li tibgħat l-informazzjoni mitluba.
Ibgħat l-applikazzjoni sal-23:59 ta’ nhar il-Ħadd 23 ta’ Ġunju 2019.
Għal aktar informazzjoni, ikteb lil film@inizjamed.org.
Segwina fuq Facebook: https://www.facebook.com/inizjamed.