Il-pandemija ħarbtet ħafna affarijiet, u l-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta se jkun affetwat ukoll. Qed naħdmu fuq programm li, fil-kuntest li ninsabu fih, xorta se jwassal il-gost tal-kitba, anke b’mod iktar dirett mis-soltu. Il-programm inħabbruh dalwaqt. Intant, se nagħtu l-ewwel pass permezz ta’ Palk Ħieles f’Għawdex, b’Elena Cardona bħala mistiedna speċjali. Din id-darba mhux se nkunu fid-dinja virtwali imma f’post magħmul mill-ħaġar li jġib l-istess isem fir-Rabat, Għawdex. Iktar dettalji fuq l-avveniment, il-post u kif tasal għalih, hawn taħt. Jiddispjaċina nħabbru li lħaqna l-ammont massimu ta’ nies li nistgħu nakkomodaw illejla.
Il-Mistiedna Speċjali: Elena Cardona
Elena Cardona hija ggradwata fil-Malti u fil-Letteratura Tradizzjonali u l-Kultura Popolari. Għandha għal qalbha l-letteratura, speċjalment dik Maltija u Mediterranja. Tinteressa ruħha fl-arti u fl-affarijiet kurrenti, li huma riflessi fil-kitbiet tagħha. Tippromovi l-Malti, il-letteratura u l-arti fuq programm tar-radju tal-parroċċa. Hi membru tal-NGO Inizjamed. Xi kitbiet u studji akkademiċi tagħha ġew ippubblikat fuq Leħen il-Malti u kotba akkademiċi oħra u bħalissa qiegħda tħejji l-ewwel ġabra ta’ poeżiji tagħha.
(Ritratt ta’ Katel Delia.)
Nokkla
Dewqa tal-pinna ta’ Elena.
Hekk fesfistli f’widnejja
bejn kuċċarina mburġata kokotina
u grokk magħqud Baileys:
“Nokkla”.
Hekk konna jien u int
nitwaħħdu flimkien
bħal dik il-kokotina u l-Baileys
jiżżerżqu ġo magg taċ-ċaqquf
jitħalltu flimkien
likwidu kannella
jfuħ u jgħallek.
F’rutina sagra dejjimija
idejk ifessdqu
nokkla wara nokkla
sakemm fl-aħħar subgħajk
jaħbtu mal-qurriegħa mmewġa
u tinġibed lura.
Sajjem, illum ġismi
mill-karezzi u r-riħa wenniesa tal-kokotina
u l-Baileys magħqud fuq xufftejna
nara nokkla, nokkla
mxerrda mal-imħadda.
© Elena Cardona
Mikrofonu Miftuħ
Bħal dejjem intom kollha mistiedna, kemm bħala spettaturi u kemm bħala protagonisti, il-mikrofonu miftuħ għal kulħadd. Dak li ktibtu kemm domna magħluqa wasallu l-ħin għal ftit beraħ.
Qabel il-Palk Ħieles, se jiġu organizzati tours mingħajr ħlas madwar il-mużew, u wara se nħabbru xi dettalji fuq il-Festival Mediterranju tal-Letteratura.
Immarka l-interess tiegħek fuq Facebook minn din il-ħolqa, anke biex tkun tista’ tirċievi aġġornamenti dwar l-avveniment: https://www.facebook.com/events/975336902937641/
COVID-19
Il-mikrofonu se jkun imnaddaf wara kull qarrej/ja. Il-qari se jsir fil-miftuħ, però waqt iż-żjara tal-mużew innifsu jgħoddu l-istess prekawzjonijiet li huma mitluba li jittieħdu f’kull stabbilment magħluq. Ftakru li fuq il-vapuri tal-Gozo Channel hu obbligatorju li tilbes maskra. Jekk tħossok ma tiflaħx jew tara li għandek id-deni, jekk jogħġbok kun prudenti u oqgħod id-dar, għall-ġid tiegħek u ta’ ħaddieħor.
Fid-dawl tar-regoli ġodda mħabbra nhar it-30 ta’ Lulju 2020, nistgħu nakkomodaw massimu ta’ 25 persuna. Minħabba li diġà ikkonfermaw daqstant nies, mhux se nkunu nistgħu nilqgħu iktar nies illejla.
Trasport
Trasport mingħajr ħlas, mill-Imġarr (Għawdex) sal-Mużew Il-Ħaġar u viċi versa.
Sabiex ikollna anqas bżonn ta’ użu ta’ karozzi personali f’Għawdex u kull min biħisiebu jitla’ ma jistenniex fis-serbut ta’ karozzi, se jkollna trasport organizzat mill-Imġarr u lura. Il-minibus se jkun qed jistenna lil dawk ġejjin mal-vapur li jitlaq miċ-Ċirkewwa fis-18:45. — Dan is-servizz issa huwa eżawrit.
Mappa
Il-Ħaġar – Heart of Gozo
Triq il-Karità, Pjazza ta’ San Ġorġ
ir-Rabat Għawdex
21557504 / heartofgozo.org.mt
https://goo.gl/maps/4TxK4aYZZaR4ecxB8