Il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta' Malta / Malta Mediterranean Literature Festival
Inizjamed

Kelma dwar il-Festival

DSC_3684
Leanne Ellul

Il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta huwa festival tal-kelma. Huwa ċelebrazzjoni tal-kelma nattiva u tradotta għaliex sa mill-bidu mhux biss ta spazju lil siltiet moqrija bl-ilsien oriġinali, imma wkoll għat-traduzzjoni. Fi spazju bħal dan il-kelma ssir iktar rikka u l-kittieba ta’ dan il-kliem minn reġjuni differenti jgawdu minn din ir-rikkezza permezz ta’ djalogu li jidħlu fih kemm qabel il-Festival kif ukoll waqt li jkun għaddej, iżda li ma jispiċċax miegħu.

Kif jgħid Roland Barthes, “il-lingwa qatt mhi innoċenti.” F’kuntest bħal tal-Festival, il-lingwa hija għodda li permezz tagħha l-kittieba jgħaddu kummenti kulturali, u għaldaqstant politiċi, iżda wkoll personali. Il-kitbiet li nisimgħu qatt mhuma meħlusa mill-istimoli ta’ madwarna, u l-Festival stess huwa wieħed minn dawn l-istimoli. Hekk il-Festival jista’ jitqies bħala mikrokożmu ta’ dak li hu l-Mediterran, għax bħalma l-Mediterran huwa reġjun li fih jiltaqgħu ġnus minn artijiet differenti, fil-Festival jiltaqgħu kittieba u letteraturi ma’ udjenzi li huma wkoll iġibu l-esperjenzi differenti tagħhom magħhom.

F’dawn l-aħħar 11-il sena, il-Festival bena udjenza dejjem aktar wiesgħa fil-kompożizzjoni tagħha. Permezz ta’ din l-udjenza bena tradizzjoni u beda jokkupa spazji kemm fiżiċi kif ukoll mentali, għax joffri esperjenzi diversi li l-persuni fl-udjenza jġarrbuhom bil-mod uniku tagħhom. Dan hu d-djalogu li toffri l-letteratura, il-kelma li kapaċi ġġib in-nies flimkien fil-Mediterran.

Leanne Ellul | Awwissu 2016


 

Letteratura, Malta u l-Mediterran

manifest tal-festival

Il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta huwa opportunità biex awturi minn bnadi differenti tal-Mediterran u lilhinn jiltaqgħu fi spazju kreattiv kemm għalihom bħala artisti kif ukoll għall-pubbliku li jiġi biex jaqsam l-esperjenza letterarja magħhom.

Għax għalina l-letteratura hija mument ta’ inkontru u skontru, ta’ konferma u sfida. F’dan il-Festival il-kittieba joffru esperjenza artistika li tqanqal u tisfida l-konċezzjoni u l-esperjenza tagħna tal-ħajja u tad-dinja. Permezz tal-kliem u s-silenzji, tad-deklamazzjoni u n-nofs diskors, il-kittieba jillivaw bibien magħluqa, jixkfu wesgħat li ma nobsrux li jistgħu jeżistu.

Għażilna li niffukaw fuq il-Mediterran, għax minkejja li ninsabu fil-qalba ġeografika u kulturali tiegħu, aħna l-Maltin warrabnieh mill-aspirazzjonijiet tagħna. Għażilna l-Mediterran għax fih hemm enerġija kreattiva straordinarja li waqt li tisfida l-isterjotipi li akkumulajna matul iż-żmien dwar ir-reġjun tagħna, għandha l-ħila tispira l-kreattività fina. Għażilna l-Mediterran għax f’dak li qed joffri u jiffaċċja, minn kriżijiet umani, kulturali u ambjentali, sa proġetti bi sħab bejn komunitajiet differenti li qed joffru soluzzjonijiet u alternattivi sostenibbli, hemm ħjiel ta’ dan li qed iseħħ fuq livell globali.

Permezz tal-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta nipproponu esperjenza artistika u umana mnebbħa mill-kelma. Imma nfittxu wkoll forom oħrajn tal-arti, bħall-mużika u l-film, biex iqanqlu u jisfidaw il-letteratura.

Barra minn hekk, nixtiequ li l-Festival ikun punt ta’ riferiment dwar il-letteratura kontemporanja Maltija, kemm għall-pubbliku Malti kif ukoll għal dawk, fil-Mediterran u lilhinn, li jridu jesperjenzaw il-letteratura tagħna.

Adrian Grima

Awwissu 2008