

Poetry Film Night
L-Erbgħa 26, 7pm – Spazju Kreattiv
Inizjamed jerġa’ lura għal ġeneru poetiku li kien fost il-pijunieri tiegħu f’Malta: il-film tal-poeżija. Bħala parti minn Valletta 2018, Inizjamed kien fost l-ewwel li kkummissjona films tal-poeżija lokalment — u din is-sena, din l-inizjattiva qed terġa’ tieħu l-ħajja b’għażla kkurata ta’ films poetiċi u tal-poeżija minn Malta u lil hinn.
L-għażla qed tiġi kkurata minn Kenneth Scicluna, li se jmexxi wkoll id-diskussjoni wara l-wiri tal-films, li se tinkludi figuri importanti bħal Elizabeth Grech (Mana Chuma Teatro). Id-diskussjoni se tidħol fl-ispazju sfuż bejn il-film tal-poeżija u l-film poetiku, u kif il-films jistgħu jġorru, jittrasformaw jew jestendu l-lingwa, ir-ritmu u t-tifsir tal-poeżija.
Wara s-serata tal-films, is-serata tkompli b’introduzzjoni minn Yanika Borg (The Data Knitters) għall-wirja In-Numri tal-Baħar.
Il-Films
Ich will nicht laut sein müssen (Ma rridx li jkolli għalfejn ngħajjat, 2024, 06:19)
Eva Matz: Poetessa, Direttriċi (@eva.matz)
Jonas Schmieta: Direttur taċ-Ċinematografija (@luxusfilmkollektiv)
Ma nistgħux nibqgħu nsostnu ’l-patrijarkija. Lill-mara jfassluha, mit-twelid. Ma jħallulha l-ebda tama li tagħżel hi x’se tagħmel, x’se ssir. Jekk tassew nemmnu li ġisimna u l-ġeneru tagħna huma argument politiku, mela wasal iż-żmien li nsemmgħu leħinna.
Eva Matz hi waħda mill-iktar ilħna politiċi u prominenti fix-xena tal-poeżija slam. Hi tagħmel ukoll il-films, imnebbħa mill-esperjenzi li għexet: wara li vjaġġat ħafna u daqqet fit-triqat, kellha tiftaħ għal rasha, anke għax tkeċċiet mill-kors tal-liġi li kienet qed issegwi. Ilha mill-2017 taħdem bħala artista tal-ispoken word, u bħala poetessa slam, kittieba, direttriċi teatrali u ċinematografika, preżentatriċi u mużiċista, mexxejja ta’ workshops, organizzatriċi kulturali u voluntiera. Zyklus, il-film li ddireġiet fl-2021, b’ċinematografija ta’ Jonas Schmieta, kien intwera’ fil-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta tal-2023.
Jonas Schmieta hu direttur taċ-ċinematografija, b’interess partikolari ta’ kif jingħaqdu n-nies, id-dawl u l-ispazju. Ħadem f’dan ir-rwol fuq films twal, sperimentali, u dokumentarji, u jqis xogħlu bħala parti minn process kollaborattiv u Kreattiv fejn wieħed irid jafda lilu nniffsu, lill-ħaddieħor, u lill-kurżità. Bħalissa qed jaħdem fuq maġisteru fiċ-ċinematografija fil-Filmuniversität Babelsberg, u xogħlu deher, u kien ippremjat, f’għadd ta’ festivals internazzjonali. Zyklus, il-film dirett minn Eva Matz fl-2021, b’ċinematografija ta’ Jonas, kien intwera’ fil-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta tal-2023.
The Light that Burns Us (Id-dawl li jaħraqna, 2024, 07:14)
Jazra Khaleed: Poeta, Direttur (@jazra_k)
Silvia Tsompanaki: Direttriċi taċ-Ċinematografija (@sylvie.co)
“Ja Greċja, dawlek qabadna b’dik l-A tiegħek, u baqa’ jaħraqna sa dik il-G.” Film tal-poeżija kontra n-nazzjonaliżmu u l-istat tal-emerġenza.
Jazra Khaleed jgħix f’Ateni, u hu poeta, filmmaker, performer, u traduttur. L-aħħar pubblikazzjonijiet tiegħu huma Mein Körper ist kein Land (parasitenpresse, il-Ġermanja, 2026) u The Light That Burns Us (World Poetry Books, Stati Uniti tal-Amerika, 2024). Il-films qosra tiegħu intwerew f’għadd ta’ festivals madwar id-dinja fosthom fl-Ann Arbor Film Festival, fl-Internationale Kurzfilmtage Winterthur, fil-Kasseler Dokfest, fl-Entrevues Belfort, f’L’Alternativa, u fil-Cooler Lumpur Festival. Jazra hu wkoll l-editur fundatur tar-rivista tal-poeżija ΤΕΦΛΟΝ.
Silvia Tsompanaki tgħix f’Ateni, u hi fotografa, direttriċi artistika u filmmaker. Ix-xogħol tagħha hu msejjes fuq il-kultura tal-klassi tal-ħaddiema, il-hip hop, u l-immigrazzjoni. L-iktar xogħol riċenti tagħha, esibizzjoni bl-isem ta’ Rap Divas, ingħata attenzjoni kbira mill-mezzi tax-xandir Griegi.
Aċitilena (2015, 04:04)
Adrian Grima: Poeta (@grimaadrian)
Luke Borg: Filmmaker
Bl-istess mod tal-poeżija omonima ta’ Adrian Grima, li fuqha hu msejjes, il-film ta’ Luke Borg hu xhud tal-port li l-ebda turist ma jara. Port li ġarrab, u li jilbes dak it-tiġrib fit-tikmix ta’ wiċċu. Port li għex ħajja b’iktar inżul milli tlugħ, imma li mexa u għadd u li jaħlef fuq kull pass li kellu jagħmel — port ħaj u ġenwin kif l-ebda terminal tal-cruise-liners qatt ma jista’ jkun.
Adrian Grima jikteb poeżiji u novelli għall-kbar u għat-tfal li rebħu premjijiet nazzjonali u internazzjonali. Ħa sehem f’avvenimenti letterarji madwar id-dinja u traduzzjonijiet tal-kotba tiegħu ħarġu l-Alġerija, l-Eġittu, il-Ġermanja, il-Ħonduras, l-Indja, l-Irlanda, u l-Italja. Bejn l-1998 u l-2018 kien il-koordinatur ta’ Inizjamed. Jista’ jkun li l-passjoni tiegħu għall-kulturi tal-Mediterran ġejja mill-fatt li bużnannuh Pietru Grima twieled u trabba Korfù. Adrian jgħallem il-letteratura Maltija u r-rappreżentazzjonijiet letterarji tal-Mediterran fl-Università ta’ Malta u l-ilsien Malti fl-INALCO ta’ Pariġi. Mill-1998 sal-2018, Adrian kien wieħed mill-imħuħ wara Inizjamed u l-koordinatur tal-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta. Fl-2022 kien wieħed mill-awturi mistednin biex jaqraw fl-istess festival. Fl-2023 ħareġ il-ġabra Daħlet ix-Xilep: Kontralimerikki tal-Pandemija (KKM), u bħalissa qed iħejji ġabra ta’ novelli għall-kbar.
Luke Borg għandu passjoni għall-produzzjoni ta’ filmati kreattivi u ilhu jaħdem fil-qasam tal-media għal dawn l-aħħar 12-il sena. Luke studja l-produzzjoni tal-media kreattiva fi ħdan l-Istitut tal-Arti fl-MCAST, u ħadem fuq diversi produzzjonijiet televiżivi u proġetti internazzjonali. Fil-fatt, ilu dawn l-aħħar sentejn imexxi dipartiment tal-produzzjoni vidjografika f’kumpanija ewlenija tar-relazzjonijiet pubbliċi, f’Sofia, il-Bulgarija.
Un ardente desiderio di primavera (Xenqa għar-rebbiegħa, 2026, 08:19)
Maria Teresa Rosu: Poetessa (@ro.mate53)
Marta Massa: Filmmaker (@marta.m.film)
Il-film ta’ Marta Massa jitlaq mill-ispirtu tal-ittri li Rosa Luxemburg kitbet mill-ħabs, isib ruħu fil-vrus sensittivi ta’ Maria Teresa Rosu, u jirrifletti fuq l-identità Sarda, illum u fil-ġejjieni.
Maria Teresa Rosu tgħix f’Lula, u ilha taħdem bħala l-librara ta’ beltha għal żmien twil. Tikteb sew proża u sew poeżija, u ħarġet l-ewwel ġabra tagħha, Ad Lùmina fl-1995. Maria Teresa kitbet kotba kemm għaż-żgħar u kemm għall-kbar, bis-Sard u bit-Taljan. Bħala librara bdiet u mexxiet għadd ta’ inizjattivi għaż-żgħażagħ, marbuta mal-poeżija. L-iktar xogħol riċenti tagħha, Arvores, ħareġ fl-2025 u hu ġabra ta’ poeżiji bis-Sard.
Marta Massa hi dokumentatriċi Sarda, u anke direttriċi tal-fotografija, li tgħix bejn l-Ungerija u Sardinja. Gradwata mill-programm DocNomads, Marta għandha maġisteru fid-direzzjoni dokumentaristika mill-Edinburgh College of Art. L-iktar film qasir riċenti tagħha, The Trials, kien magħżul biex jidher fil-Festival dei Popoli. Fl-2021 kienet ingħażlet għall-programm New Voices, mniedi mill-iScottish Documentary Institute biex jimbotta lil diretturi ġodda tad-dokumentarji.
Éspiritos e Rochas: Um mito Açoriano (Spirti u blat: Leġġenda tal-Azores, 2020, 14:11)
Aylin Gökmen: Filmmaker (@aylin__gokmen)
L-abitanti ta’ gżira-vulkan huma msakkra f’ċirku bla tmiem, maqbuda bejn il-biża’ ta’ żbroffi u terremoti, u t-trawmi tal-passat li għadhom iġorru. Xi wħud jagħtu sens lis-sitwazzjoni prekarja tagħhom permezz ta’ miti u twemmin reliġjuż. Oħrajn ikampaw, u jerġgħu jibnu l-villaġġi bil-ġebel vulkaniku stess. Il-film jgħaddi mill-istess process: isir riflessjoni tal-pajsaġġ, u tal-istejjer li jirrakkonta.
Aylin Gökmen hi artista, produttriċi u attivista mill-Isvizzera u t-Turkija. Hi gradwat b’maġisteru fil-ħolqien tad-dokumentarji mill-programm DocNomads, u tagħmel films li jinsġu l-aspett dokumentaristiku ma’ dak fittizju, b’temi li jduru mal-memorja, l-immaġinazzjoni, u l-pajsaġġ. Spirits and Rocks: An Azorean Myth (Spirti u blat: Leġġenda tal-Azores, 2020) hu l-film li bih iggradwat — intwera għall-ewwel darba internazzjonalment fil-festival prestiġġjuż taċ-ċinema ta’ Locarno, u ngħażel minn 60 festival ieħor madwar id-dinja, fosthom dawk ta’ Sundance u Telluride. Aylin hi membru tal-kumitat eżekuttiv ta’ SWAN (in-network awdjoviżiv tan-nisa Svizzeri), kuratriċi ta’ Docs in Orbit (sensiela internazzjonali ta’ poddati li jimbottaw lil diretturi indipendenti tad-dokumentarji), u bħalissa qed taħdem fuq id-dottorat fl-Università ta’ Concordia, fejn tikkordina wkoll is-sensiela ta’ wirjiet ta’ films bl-isem ta’ Cinema Politika.
Il-Panel

Adrian Grima hu poeta, professor fid-dipartiment tal-Malti, fl-Università ta’ Malta, u mal-INALCO fi Franza. Hu riċerkatur, kien wieħed mill-fundaturi ta’ Inizjamed, sal-2018 kien il-koordinatur tal-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta, u wara wieħed mill-kittieba mistiedna. Adrian kiteb l-uniku saġġ akkademiku bil-Malti fuq il-films tal-poeżija, u kiteb il-poeżija li fuqha ġie msejjes wieħed mill-films li se jidhru. Imbotta kemm felaħ biex waqt il-Festival tal-Letteratura jidhru films tal-poeżija, u flimkien mal-Fondazzjoni Valletta 2018, nieda programm ta’ ħolqien ta’ films tal-poeżija, li dam sejjer mill-2014 sal-2019.
Ritratt ta’ Virginia Monteforte.
Elizabeth Grech hi poeta, traduttriċi, organizzatriċi kulturali, u kittieba mistiedna tal-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta. Iktar kmieni din is-sena, kienet involuta fil-ħolqien ta’ film qasir tad-direttriċi Franko-Kanadiża Mathilde Capone, bl-isem ta’ Widnet il-Baħar (Les oreilles de la mer ). Elizabeth tgħix bejn Reggio Calabria u Pariġi.
Ritratt ta’ Virginia Monteforte.


Erika Lanzafame qed tagħmel l-ewwel passi tagħha bħala filmmaker u għadha kemm iggradwat mill-kors tal-Creative Media Production mill-Istitut għall-Arti Kreattiva tal-MCAST. Erika għandha viżjoni u maturità li mhux dejjem issibhom f’żgħażagħ tal-età tagħha. Is-sena li għaddiet, Erika ħadmet bħala ko-direttriċi fuq film tal-poeżija bl-isem ta’ Searching for My Own Body (Infittex lil ġismi) maħdum fuq ix-xogħol bl-istess isem tal-poetessa Yesenia Montilla (li faħħret il-film). Il-film tal-gradwazzjoni tagħha hu xogħol poetiku, auto-etnografiku, bl-isem ta’ Se ci sei, dammi un segno (Jekk int hawn, agħtini sinjal). Erika twieldet u trabbiet Sqallija, u llum tgħix f’Malta.
Caldon Mercieca hu poeta, organizzatur kultural, filosofu, u kien il-kuratur tal-wirjiet tal-films tal-poeżija waqt il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta. Iktar tard, permezz tal-involviment tiegħu fil-Fondazzjoni Valletta 2018, kien parti mit-tnedija tal-proġett tal-ħolqien tal-films tal-poeżija, li kienu jintwerew kull sena fil-Festival tal-Letteratura.


Kenneth Scicluna (kuratur tal-wirja tal-films, u moderatur) għamel il-films, jieħu r-ritratti, u jgħallem fuq iċ-ċinema fl-Istitut għall-Arti Kreattiva tal-MCAST, u fl-Università. Għal Inizjamed idderieġa Eleġija, 2014, li kien film imnebbaħ minn żewġ poeżiji ta’ Doreen Micallef, u fl-2018 kien ko-direttur, flimkien ma’ Clare Azzopardi, ta’ film tal-poeżija bl-isem ta’ Kafè, ibbażat fuq kitba ta’ Achille Mizzi. Kenneth ilu mill-2019 fuq il-bord ta’ Inizjamed, u ħa ħsieb il-kurazzjoni ta’ għadd ta’ wirjiet ta’ films tal-poeżija, li ttellgħu waqt il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta. Xi poeżiji li kiteb bil-Malti dehru f’antoloġiji tal-Għaqda tal-Malti – Università, ta’ Inizjamed u ta’ Kotba Calleja.

