

Kelma, Kelmtejn
Il-kelma hi moviment li jġarrab il-ġisem
Fil-ktieb The Sounds of Poetry, Robert Pinsky jitkellem fuq l-att tal-qari tal-poeżija bħala att fiżiku, anzi, imġissem. The medium of poetry is a human body: the column of air inside the chest, shaped into signifying sounds in the larynx and the mouth. Niftakarni nistudjahom l-Università, ftit imwejjed bogħod minn Keith Borg (jew kif insejjaħlu jiena, il-Borġ), il-larinġi, il-farinġi, il-palat, u l-bqija. Niftakar li l-poeżija dejjem kienet hemm, ħajja, anke jekk fl-isfond; nagħmilha bla naf, niktibha bla naħsibha, u ma nafx ma naqrahiex, ma nsemmagħhiex. L-istudju tal-lingwa, differenti. Sirt inħobbu ftit ftit, beda jafaxxinani sillaba sillaba, nifs nifs. Sakemm intbaħt li ma nistax ma nħobbhomx it-tnejn; fuq kollox għax ma jgħaddux mingħajr xulxin u mhumiex differenti daqskemm forsi naħsbu.
Il-qari tal-poeżija sar għalija bħal studju lingwistiku — semantiku jew fonoloġiku, sintattiku jew morfoloġiku — imma wkoll studju soċjali, fiżiku, u psikoloġiku. Nitlef xi ftit mis-sens ta’ qari għall-gost u ngħarrex għall-kadenzi, ir-ritmi, l-ittri mniffsa u mleħħna, l-ispazji, il-pawsiet, il-waqfiet … Nibża’ niddikjara poeżija tajba, imma meta vera tmissni u ttini daqqa fl-istonku ma niddejjaq xejn ngħidilha tajba. Tal-inqas għalija. Għax poeżija mhix tajba għax taqbel bl-eżatt jew tuża kliem kumplikat; tajba wkoll, jew l-iżjed, meta tistrumblani, tregħexni, tisfidani. Tiskalibrani.
Il-kittieba mistiedna din is-sena, anke jekk xi wħud magħrufin l-iktar għall-proża, kollha poeti. Kollha kitbu forma li tingħaraf mill-ewwel bħala poeżija (fis-sens li Edward Hirsch jgħid you know that you’re in the presence of poetry), u kollha kitbu proża mdakkra mit-tekniki poetiċi.
Il-ġisem mhux biss kruċjali hu u jaqra b’vuċi għolja, imma anke fis-skiet, meta jħoss li l-kliem naqqax fih xi ħaġa …
Nagħżel li nieħu nifs mal-poeżija tagħhom: nisma’ u nissemma’. Nara x’jagħmel ġismi kif illissen vers jew ieħor. Kif iċaqċaq malli jisma’ Are you counting / the bones in my neck? 1 Kif hu jbeżlaq il-ħsejjes li waqgħu minn fommha 2 u ġismi nħossu jiddarras. Naqra dwar the bomb that hasn’t yet reached me 3 u ġismi jitkexkex, isir xewk xewk, bħal meta tħoss il-bard għax tlieta taħt iż-żero. Jitħabat ġismi kif jisma’ ismek aktar minn darba kuljum, / mingħajr ma x-xemx tħabbat biebi 4. Jitgħawweġ xħin iħoss li sal-bieraħ konna ndaħħlu biss in-nisa jaħdmu fil-klabbs / esklussivi tat-traffikanti bil-ġlekk 5. Juġagħni ġismi xħin Calano i festoni di un vecchio compleanno / come occhiaie improvvisate da un dolore / immenso 6 … imma jrid jiżfen xorta. U jiskot ġismi xħin jiftakar li fix-xedaq kelli maħfun kliem inutli / nifsi batta batta 7. Sakemm naqta’ nifsi …
Il-ġisem mhux biss kruċjali hu u jaqra b’vuċi għolja, imma anke fis-skiet, meta jħoss li l-kliem naqqax fih xi ħaġa, li anke jekk ma jafx x’inhi, jaf li importanti u li qed tbiddlu u tibdlu ftit ftit. Il-poeżija bħal għażla Bukowskijeska: find what you love and let it kill you. Kif trid tgħix il-poeżija biex tgħix il-ħajja u trid tgħix il-ħajja biex tgħix il-poeżija. Anke jekk tħossha ttemmek ftit ftit. Kif xorta waħda, għalija, lanqas jista’ jkun li l-poeżija ma tkunx. Bħal tifsira li tispiċċa tisfira twila —
Nawguralna Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta mimli kliem li jfisser ħafna, mimli ċaqliq li ġej minn fina, mimli poeżija li tiġġedded ma’ kull nifs.
- (Taking A) Walk, Jen Calleja
- meta nsir disgħa, Keith Borg
- Blazing Sun, Batool Abu Akleen
- Hamed Abboud, tr. Murad Schubert
- Fejn Ħallejtha r-Rota Meta Ħrabt?, Karl Schembri
- Crolli, Rosaria Lo Russo
- dar imġarrfa, Claire Lajus, tr. Nadia Mifsud

Leanne Ellul
Direttriċi Artistika tal-Festival
29 Lulju 2026

