Il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta' Malta / Malta Mediterranean Literature Festival
Inizjamed

Awturi 2025

FMLM 2025 - FB Cover Photos 820 x 360

Carmen Camacho

FMLM2025 Carmen Camacho (Francisco J Sanchez Montalban)

Carmen Camacho, minbarra li hija poeta, hija aforista, kritika letterarja u tagħti korsijiet dwar il-kitba kreattiva. Ippubblikat diversi ġabriet, fosthom Arrojada (2007); 777 (2007); Minimás (2008, 2009); La mujer del tiempo (2011); Campo de fuerza (2012, 2018); Letra pequeña (2014); Vuelo doméstico (2014); Zona franca (2016); Deslengua (2020) u La mujer de enfrente (2023). Id-dar tal-pubblikazzjoni Schiler & Mücke fil-Ġermanja ppubblikat ġabra ta’ xogħol poetiku tagħha tradott għall-Ġermaniż minn José Oliver. Ippubblikat ukoll Fuegos de palabras (2018), antoloġija ta’ aforiżmi poetiċi Spanjoli tas-sekli 20 u 21.

Id-dinja tas-sinjali
ma ħakmitx il-ġilda ta’ jdejna
u lanqas il-muniti
fuq il-bar

Kollox kien
għalqa manjetika

trad. Jean Paul Borg

Ritratt ta’ Francisco J. Sanchez Montalban.


Omar N’Shea

Omar N’Shea huwa studjuż tal-kulturi kunejformi tal-Assirja u l-Babilonja tal-ewwel millennju qabel l-Era Komuni u fir-riċerka tiegħu iħares lejn kif l-imperi tal-qedem inqdew bit-teknoloġiji tal-ġisem biex iwaqqfu sistemi burokratiċi li bihom setgħu jkabbru t-territorji maħkuma. N’Shea jħares ukoll lejn diversi kitbiet letterarji mill-Babilonja li ċċirkolaw f’din l-ekosistema politko-kulturali u bħalissa qed iħejji biex jaqleb għall-Malti wħud minnhom, fosthom Gilgamex u Meta l-Allat Kienu Bnedmin. Omar huwa wkoll kontributur fil-ġurnal letterarju bil-Malti Aphroconfuso. Fost l-esejs ippubblikati nsibu s-serje Bur Mgħeż u Es Sidr. Bħalissa qed jikteb serje ta’ esejs dwar l-istorja tal-modernità queer f’Malta. Fost dawk diġà ppubblikati nsibu “Bil-Moħbi Fil-Beraħ”; “Joey Tilbes, it-Tabù Tinża’”; u “L-Aħħar Ballu tas-Sinjorini”. Id-dar tal-pubblikazzjoni Aphroconfuso se jippubblikaw żewġ xogħlijiet tiegħu fil-futur qarib —- Es Sidr (2025) u Bur Mgħeż (2026).

Il-file mimli, imbulmat b’ittri miktubin mill-istess id u li kumbinazzjoni tixbah lil tagħha, organizzati skont id-data ta’ meta nkitbu, bl-ewwel waħda fuq u l-aħħar waħda taħt nett. Kellha ħabta żżomm kollox u żżommu organizzat; kull ittra, kartolina, messaġġ, biċċa karta, ċavetta, u ritratt.

Ritratt ta’ Nina Musumeci.

FMLM2025 Omar N'Shea (Nina Musumeci)

Kassia St. Clair

FMLM2025 Kassia St Clair

Kassia St Clair hija awtriċi rinomata u storika kulturali magħrufa għall-esplorazzjonijiet ingaġġanti tagħha ta’ dak imwarrab u kwotidjan. The Secret Lives of Colour daħal fil-lista tal-aqwa għaxar kotba tas-Sunday Times u ġie tradott f’aktar minn 20 lingwa. Fost kotba oħrajn tagħha nsibu The Golden Thread li kien il-ktieb tas-sena tas-Sunday Times u li daħal fil-lista finali tal-Premju Somerset Maugham, kif ukoll The Race to the Future: The Adventure that Accelerated the 20th Century. Dawn it-tliet kotba ntgħażlu għall-programm Books of the Week li jixxandar fuq BBC Radio 4. St Clair tikteb ukoll esejs u reċensjonijiet dwar id-disinn, il-kultura u l-istorja f’publikazzjonijiet diversi bħal The Washington Post, The Economist, Architectural Digest u Wired. Kisbet first-class fil-Baċellerat fl-Istorja mill-Università ta’ Bristol u Maġisteru, b’distinction mill-Università ta’ Oxford, li fiha ffokat dwar l-ilbies u l-kostumi tan-nisa fis-seklu 18. Hija tgħix Londra.

Ultramarine was first bumped along the Silk Road by donkey and camel in the form of lumps of lapis lazuli. When these reached the Mediterranean coast in Syria they were loaded onto ships bound for Venice, and thence traded throughout Europe. Even the word ultramarine, from the Latin for ‘beyond’ – ultra – and ‘sea’ – mare – indicates that this was a colour worth going the extra mile for.


Simone Spiteri

Simone Spiteri (1983) taħdem fit-teatru. Tikteb u tirreċta f’films qosra u twal, kemm Maltin kif ukoll barranin. Kisbet Baċellerat (bl-Unuri) u Maġisteru fl-Istudji Teatrali mill-Università ta’ Malta, u fl-2004 waqqfet il-kumpanija teatrali tagħha, Dù, li fiha taħdem bħala awtriċi, direttriċi u attriċi. Xi xogħol li kitbet u dderiġiet ittella’ d-Danimarka, l-Eġittu, Sqallija, Spanja, il-Maċedonja, l-Istati Uniti, ir-Renju Unit, u Franza. Appuntamenti (2009) u Kjaroskur (2011) rebħu l-ewwel premju fil-konkors nazzjonali tal-kitba teatrali Francis Ebejer. Appuntamenti u Lacuna (2006) ġew magħżula fost l-aqwa 120 dramm fl-Ewropa fil-pubblikazzjoni biannwali tal-European Theatre Convention. Kitbet ħafna xogħol għall-Festival Internazzjonali tat-Tfal ŻiguŻajg; ħadmet fuq proġetti għaż-żgħażagħ mal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta; u ħadmet ma’ diversi kumpaniji fuq it-traduzzjoni ta’ xogħlijiet klassiċi għal-lingwa Maltija, bħal ta’ Pinter, Ibsen, u Harrower. Spiteri tgħallem part-time fid-Dipartiment tal-Istudji Teatrali fl-Università ta’ Malta u ppubblikat xi kotba mal-Merlin Publishers. Fl-2020 il-ktieb tagħha Żewġ Drammi:Appuntamenti/Repubblika Immakulata rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb.

Buffura riħ tgħaddi u tmexxi l-pram biżżejjed biex titħarrek minn postha u r-roti jieħdu spinta biex titlaq għan-niżla tal-passaġġ tal-ġnien li konna fih … ir-roti jduru jduru, iżidu fil-veloċità … sakemm ċblumm! Waqfet ġo xitla folta u daqsiex li swiet ta’ mħadda biex trattab ir-rankatura tal-pram li kienet ġejja biha. U bqajt ma bkejtx.

Ritratt ta’ Maria Grech.

FMLM2025 Simone Spiteri (Maria Grech)

Maud Vanhauwaert

FMLM2025 Maud Vanhauwaert (Anneke D'Hollander)

Maud Vanhauwaert hija kittieba u performatriċi tal-kelma. Dejjem tfittex modi immaġinattivi biex televa l-poeżija minn fuq il-karta għal fuq il-palk. Kienet finalista tal-Kampjonat Dinji tal-Poeżija Slam u rċiviet diversi premjijiet għall-ġabriet poetiċi tagħha. Għal sentejn sħaħ, kienet il-poetessa tal-belt ta’ Antwerp, li matulhom żewġet il-poeżija ma’ dixxiplini oħrajn, u b’riżultat ta’ dan ippubblikat il-ktieb Het stad in mij li kiseb il-Premju Jan Campert. L-ewwel rumanz tagħha Tosca ngħata l-premju għall-proża debuttanti. Darbtejn fil-ġimgħa, Maud tikteb kolonna qasira għall-gazzetta nazzjonali De Morgen. Aktar minn darbtejn fil-ġimgħa tiekol iċ-ċikkulata bil-melħ tal-baħar. Aktar informazzjoni tinsab fuq www.maudvanhauwaert.be.

Ngħixu f’belt waħda f’ħafna lingwi
imm’iktar minn hekk ngħixu fi rjusna
li xi drabi jibnu belt
huma stess, bi ħsibijiet li

jaqtgħu fil-qasir, monumenti ta’ memorji
u postijiet fejn aħjar ma tirfisx waħdek billejl.

trad. Clare Azzopardi

Ritratt ta’ Anneke D’Hollander.


Ubah Ali Farah

Ubah Cristina Ali Farah hija poetessa, rumanziera, kittieba għat-teatru, traduttriċi, librettista, u artista orali li kisbet dottorat mill-Università ta’ Napli, L’Orientale. Rebħet diversi premjijiet letterarji prestiġjużi, u r-rumanzi tagħha Madre piccola (2007), u Il commandante del fiume (2014) ġew ippubblikati bl-Ingliż. Xogħlijietha fil-proża u l-poeżija għandhom akutezza poetika u jagħtu vuċi lid-dijaspora Somala, waqt li jittraċċaw il-ġrajjiet kruċjali ta’ pajjiżha – mill-qawmien ta’ movimenti għall-indipendenza taħt il-protettorat Taljan, għall-gwerra ċivili fil-Somalja, sal-esperjenza ta’ żgħażagħ Somali f’Ruma. L-impenn kreattiv u akkademiku tagħha għall-kultura Somala wassalha biex tikteb kiteb mhux fittizju dwar it-teatru folkloristiku Somalu u biex tiġbor stejjer orali minn nisa Somali. Kitbet mill-ġdid id-dramm Antigone, li ttella’ f’Palermo kif ukoll ħolqot librett imsejjes fuq in-narrattivi ta’ Matera. Fl-2020, ippubblikat ġabra ta’ novelli bilingwi bil-Franċiż u t-Taljan. L-aħħar rumanz tagħha La Stazioni Della Luna nħareġ fl-2021.

Dal-lejl rajtni niġri qalb il-fjuri tax-xemx
Wiċċi bejn idejja u dirgħajja maħruqa
Il-petali u z-zkuk bħal gwardji għassiesa
jitbandlu, isawtuni minn kull naħa

trad. Leanne Ellul

FMLM2025 Ubah Ali Farah

Michael Zammit

FMLM2025 Michael Zammit

Michael Zammit huwa poeta u Professur Emeritu li ħadem f’diversi istituzzjonijiet, fosthom id-Dipartiment tal-Filosofija fl-Università ta’ Malta, fejn introduċa l-istudji tas-Sanskrit u tal-filosofija Sanskrita. Fl-1974, Zammit ippubblika Imma Ħajt Azzari Għalina f’kollaborazzjoni ma’ Paul Sant Cassia, li ġie tradott għall-Ingliż minn William Driscoll. Ftit wara, huwa ħadem ma’ Josette Ciappara fuq Fejnhom it-Tfal? Fejn Aħna Qegħdin?, inkantazzjoni poetika li tagħti vuċi lit-tfal u li kienet ippremjata fil-Festival tad-Drama tal-Iskejjel (1983). Michael wettaq l-interess tiegħu fil-filosofija Griega bit-traduzzjoni ta’ xogħlijiet Platoniċi mxandra fuq Campus FM u bi studji dwar l-ilsna, ir-Rinaxximent, u l-filosofiji tal-arkitettura. Huwa ttraduċa l-Apoloġija ta’ Platun (1995), il-Bħagawad Gita (2008), u siltiet mill-Metamorfosi ta’ Ovidju (2018), dejjem mill-ilsna oriġinali. Pubblikazzjonijiet oħra tiegħu huma “Sounding the Rock Bottom of Absolute Silence” f’Un Convita Filosofico per Elémir Zolla (2023) u ċ-ċikli poetiċi Fil-Waqt li l-Qalb(ha) Tħares (1978), Mireddien (2003), u Għana ’l Hena (2005).

Ħriġt donnok reġina
mill-univers ta’ ħolm maħlum
tul l-iljieli maqbuda fl-iswed f’għajnejk,
misruqa minn Ruħ il-Qodos.


#FMLM2025

Inizjamed
Ħarsa Ġenerali Dwar il-Privatezza / Privacy Overview

Dan is-sit juża l-cookies biex int tkun tista' taċċessah bl-aħjar mod possibbli. L-informazzjoni dwar il-cookies tinħażen mill-browser, u sservi biex nagħrfuk kull meta żżur is-sit u tgħinna nagħrfu liema partijiet tas-sit issib l-iktar utli u interessanti.

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.