L-Awturi u Mistiedna Oħra tal-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta 2024
Werrej tal-Mistiedna
L-Awturi | David Aloisio (Malta) | Raymond Antrobus (Ir-Renju Unit) | Malika Booker (Ir-Renju Unit/Il-Karibew) | Mario Cardona (Malta) | Irene Chias (L-Italja/Malta) | Josep Pedrals (il-Katalunja) | Maja Ručević (il-Kroazja) |
Inkontru Artistiku | Claudio Beorchia (Artist Residenti ta’ Spazju Kreattiv) |
Il-Mużiċisti | The Hinge Project |
L-Awturi
David Aloisio
David Aloisio (1979) huwa l-kap tad-dipartiment u lettur anzjan tal-Malti fil-Junior College, li huwa parti mill-Università ta’ Malta. Huwa wkoll lettur mistieden tad-Dipartiment tat-Traduzzjoni, Terminoloġija u Studji Interpretattivi tal-istess università. It-teżi tal-Maġisteru tiegħu speċjalizzat fit-traduzzjoni letterarja. Fl-2021, Aloisio kiseb dottorat fil-letteratura mill-Università ta’ Malta. L-oqsma ewlenin ta’ riċerka tiegħu jkopru l-letteratura Maltija, it-teorija letterarja, il-kanonizzazjoni tal-letteratura u l-prattika tat-traduzzjoni. Ippubblika kemm xogħol oriġinali kif ukoll tradott. Żewġ pubblikazzjonijiet tiegħu kisbu l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb.
“Qed tarah dal-kappell,” tbissem in-naffar filwaqt li deher jintilef fi ħsibijietu, “dak, dak libbishuli Basir, il-bidwi bid-daqna u x-xagħar griż innukklat li kien jiġi jaħdem dil-għalqa … Niftakar il-jum li libbishuli. Qatt ma ninsa dak il-jum … għax fih bkejt għall-ewwel darba. Dakinhar stajt nifhem aħjar: fhimt li jien imdawwar bi ħwejjeġ li qatt ma nista’ nifhem. Raġel sew, miskin. Meta jegħja kien jintasab quddiemi … ma kienx jieqaf iredden … da’ Basir ukoll! Niftakru jgħidli: ‘L-art tagħti kemm tagħmel magħha: ġid, hena u fuq kollox is-saħħa.’ Minn kollox u fuq kollox kien jgħidli.
Raymond Antrobus
Raymond Antrobus (1986) twieled Hackney, Londra. Ommu Ingliża u missieru Ġamajkan. Huwa l-awtur tal-antoloġiji ta’ poeżija, The Perseverance (2018), All The Names Given (2021) u Signs, Music (2024). Kiseb fost l-oħrajn il-Premju Ted Hughes, il-Premju tal-Legat ta’ Lucille Clifton, u l-Premju għall-Kittieb Żagħżugħ tas-Sena ta’ The Sunday Times. Daħal ukoll fil-lista finali għall-Premju T.S. Eliot, il-Premju Griffin u l-Premju Forward. Fl-2018, kiseb il-Premju Geoffrey Dearmer (iġġudikat minn Ocean Vuong), għall-poeżija tiegħu “Sound Machine”. Fl-2022, xi poeżiji tiegħu ntgħażlu biex ikunu parti mis-sillabu tal-GCSE RSA ta’ Oxford Cambridge. Ippubblika wkoll żewġ kotba bl-illustrazzjonijiet għat-tfal, Can Bears Ski? u Terrible Horses. Ippreżenta diversi dokumentarji radjufoniċi li kisbu premjijiet, fosthom, Inventions in Sound (BBC Radio 4, 2021).
Ritratt ta’ Chantal Lawrie.
… We’ve been here before,
no such thing as too much laughter
unless you’re my mother without my father,
working weekends while the perseverance
spits him out for a minute.
He gives me 50p to make me disappear.
Malika Booker
Malika Booker (1970) hija poetessa Brittanika b’parentela minn Guyana u Grenada. Hija lettriċi fil-Manchester Metropolitan University, u kofundatriċi ta’ Malika’s Poetry Kitchen (kollettiv ta’ kittieba). Il-fuljett tagħha Breadfruit, ġie rrakkomandat mill-Poetry Society u l-antoloġija tagħha Pepper Seed daħlet fil-lista finali tal-Premju għal-Letteratura mill-Karibew organizzat minn OCM Bocas u tal-Premju għall-Poeżija organizzat mix-Seamus Heaney Centre tal-2014. Xogħol tagħha ġie ppubblikat flimkien ma’ ta’ poeti bħal Sharon Olds u Warsan Shire fil-ġabra The Penguin Modern Poet Series 3. Hija fellow ta’ Cave Canem u The Complete Works, kienet ukoll l-ewwel Poeta Residenti ta’ The Royal Shakespeare Company, u fl-2019 kisbet il-Premju Cholmondeley għall-kontribut eċċellenti tagħha għall-poeżija. Fl-2022, ġiet eletta fellow tar-Royal Society of Literature. Hija l-ewwel mara li rebħet il-Forward Prize għall-Aqwa Poeżija Unika, permezz ta’ “The Little Miracles” (2020) u “Libation” (2023).
Ritratt ta’ Siro Micheroli.
Since I found mother collapsed on the kitchen
floor, we siblings have become blindfolded mules
harnessed to carts filled with strain, lumbering
through a relentless storm, wanting to make
our mother walk on her own again, …
Mario Cardona
Mario Cardona (1970) għandu interess akkademiku u professjonali fl-edukazzjoni u t-taħriġ tal-adulti, l-edukazzjoni u l-iżvilupp fil-komunità, il-koperattivi, l-edukazzjoni vokazzjonali u t-tema tal-edukazzjoni u l-ġustizzja soċjali. Ippublika dwar il-koperattivi, dwar l-edukatur Taljan Lorenzo Milani kif ukoll dwar il-faqar f’Malta. Fil-preżent Mario Cardona huwa Deputat Prinċipal għall-Arti u x-Xjenzi Soċjali fl-MCAST. Jgħallem l-Istorja fl-MCAST kif ukoll f’korsijiet marbuta mal-Edukazzjoni fl-Università ta’ Malta. Jieħu sehem f’diversi fora Ewropej fejn titfassal il-politika marbuta mal-edukazzjoni, it-taħriġ u l-impjiegi. Iwettaq ukoll xogħol volontarju f’għaqdiet komunitarji. L-ewwel ġabra ta’ poeżiji Fuq kaxxa tal-birra rasha ’l isfel (2019) kienet finalista għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb. Warajha ppubblika ġabra oħra ta’ poeżiji, Allat tal-Landa (2022).
Ritratt ta’ Charles Calleja.
Jiġi jum li fih ma tlissinx kelma,
fejn il-kliem idur ġo rasek
bħal ċorma żnażan fuq bużbieża,
u tinduna li inti l-kenn tiegħek innifsek
Irene Chias
Irene Chias (1973) qattgħet ħafna snin taħdem fil-ġurnaliżmu f’Lyon u Milan, u issa tgħix Malta. L-ewwel ktieb tagħha Sono ateo e ti amo (Elliot, 2010; Laurana, 2022) kien segwit minn Esercizi di sevizia e seduzione (Mondadori, 2013) li rebaħ il-Premju Mondello tal-2014, Non cercare l’uomo capra (Laurana, 2016), Fiore d’agave, fiore di scimmia (Laurana, 2020), Rocchesante (Laurana, 2023) li rebaħ il-Premju Carlo Piaggia fl-2024, u Malovento (Zolfo, 2024). Ir-rumanzi tagħha li nqalbu għall-Malti huma Fjura tas-Sabbara, Fjura tax-Xadina (KKM, 2023) u Mur Ġibek… (Horizons, 2022), li rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb fil-kategorija tat-traduzzjoni. Tliet novelli tagħha inġiebu bl-Ingliż fil-ktejjeb Lido Esperanto (Ede, 2023).
Ritratt ta’ Mark Vella.
Se avessi saputo che sarebbe finita così, avrei accettato con più serenità, forse anche con felicità, la mia pressoché totale mancanza di ambizioni – che tanto mi è stata rinfacciata nella vita – e mi sarei concentrata sulle cose belle dell’avere un corpo, anzi dell’essere anche corpo. Avrei camminato più spesso a piedi scalzi; avrei fatto più docce fredde e più bagni bollenti; forse avrei pure fatto yoga. E mi sarei tuffata da scogli altissimi, e avrei nuotato nel mare d’inverno.
Josep Pedrals
Josep Pedrals (1979) twieled Barċellona. Kellu diversi okkażjonijiet fejn qara u ppreżenta l-poeżiji tiegħu fl-Ewropa, l-Asja, l-Afrika u l-Amerka bħala mistieden ta’ bosta festivals. Jaħdem fil-qasam tal-edukazzjoni tal-poeżija kemm għat-tfal kif ukoll għall-adulti, u jagħti lekċers u korsijiet fi skejjel, kulleġġi u universitajiet. Żviluppa spazji għall-poeżija fuq ir-radju u t-televiżjoni, u kkontribwixxa fis-sezzjonijiet tal-arti u l-kultura ta’ diversi pubblikazzjonijiet. Bħalissa qed jikteb artikli għal El País, jikkontribwixxi għall-poddati Tenim paraiula u fuq ir-radju Cadena Ser. Matul l-2011 u l-2013, ippubblika sunett kuljum għall-gazzetta Ara. Ikkordina festivals lokali tal-poeżija madwar il-Katalunja u bejn l-2020 u l-2023 kien kodirettur tal-festival internazzjonali tal-poeżija Barcelona Poesia. Kiteb diversi drammi u ħadem bħala mużiċist. Ingħata l-Premju Lletra d’or fl-2013, intgħażel bħala l-Aqwa Artist tal-2014 tat-Time Out Barcelona. Kiseb ukoll il-Premju Homo Fabra fl-2018, il-Premju tal-Letteratura Diġitali Lletra fl-2019, il-Premju tal-Poeżija Nollegiu fl-2022 u l-Premju tal-Kritiċi tas-Serra d’Or fl-2023.
Ritratt ta’ Sílvia Poch.
Everest is falling, stone by stone
in a striptease of psychosis,
the wastes are thawing, spewing poison,
the plains fold up in creases;
Maja Ručević
Maja Ručević (1983) twieldet Zagreb, fejn iggradwat fil-lingwa u l-letteratura Franċiża u Kroata mill-Fakultà tal-Umanità u x-Xjenzi Soċjali. Taħdem bħala traduttruċi mill-Franċiż u l-Ingliż. L-ewwel rumanz tagħha Je suis Jednoruki ġie ppubblikat mid-dar tal-pubblikazzjoni Algoritam fil-Kroazja fl-2016. L-antoloġija ta’ poeżiji tagħha Sutra ćemo praviti anđele u padu ġiet ippubblikata mis-Soċjetà tal-Kittieba Kroati (HDP) fl-2022. Kisbet diversi premji għall-poeżiji tagħha bħar-Ratkovićeve večeri poezije fl-2008 u l-2009, kif ukoll l-Ulaznica fl-2022. Għexet Zagreb, Sarajevo u Belgrad. Bħalissa qed taħdem fuq rumanz ġdid.
Maja hi wkoll il-lawreata Kroata tal-proġett tal-Ewropa Kreattiva, Ulysses’ Shelter 3, li hu kkonfinanzjat mill-Unjoni Ewropea. Sandorf sieħeb ta’ Inizjamed, jgħin lill-awturi Kroati emerġenti billi jagħżel lawreat/a fost dawk li marru għal residenza bħala parti minn dal-proġett.
in this life they were women nomads
and few could ever guess
what that scattered saudade sang about
how strongly they loved places
that weren’t home, especially people
they never even met
Artist Residenti ta’ Spazju Kreattiv
Claudio Beorchia
Claudio Beorchia se jingħaqad mal-programm ta’ residenza artistika ta’ Spazju Kreattiv, esperjenza immersiva ta’ erba’ ġimgħat li trawwem kollaborazzjoni internazzjonali u skambju kulturali. Din ir-residenza timxi pari passu mal-missjoni ta’ Spazju Kreattiv li tarrikkixxi x-xena kreattiva lokali, u toffri lil Claudio l-opportunità li jimpenja ruħu f’riċeka, żvilupp, u interazzjoni mal-komunità.
Claudio huwa artist interdixxiplinarju Taljan li spiss juża l-kelma fil-prattika artistika tiegħu. Minbarra diversi kotba artistiċi, il-pubblikazzjonijiet tiegħu jinkludu “Saintscapes” (ViaIndustriae Publishing, 2019); l-antoloġija poetika “Sogni d’oro, Chiaravalle” (ViaIndustriae Publishing, 2019); u r-rumanz qasir “Neuro di seppia” (Kellermann Editore, 2010).
F’Malta, Claudio qed jaħdem fuq proġett intimament marbut mal-Baħar Mediterran u r-relazzjoni millenjali u mal-antenati li l-bnedmin għandhom ma’ dan il-baħar. Il-punt tat-tluq ta’ din ir-riċerka huwa l-ismijiet tad-dgħajjes li jaqsmu l-Mediterran. Ħafna drabi, id-dgħajjes ikollhom ismijiet importanti, marbutin ma’ kreaturi mitoloġiċi u forzi naturali, figuri femminili sbieħ, u atti erojċi. Hemm ġabra ta’ ismijiet li jsejjaħ baħar pjuttost differenti mill-baħar tal-lum, kif mifhum bħala infrastruttura, riżorsa ekonomika, u fruntiera.
Ritratt ta’ Guido Valenti.
Il-Mużiċisti
The Hinge Project
Il-kitarrist u kompożitur Jes Psaila waqqaf il-grupp The Hinge Project wara s-suċċess tas-solo album tiegħu u tal-proġett DUOs. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-kwartett saħħar għadd ta’ udjenzi bil-mod kif jgħaqqad l-jazz u r-rock ma’ melodiji affaxinanti. L-album li jġib l-isem tal-grupp, irrekordjat fl-2019, wera biċ-ċar li għandu ħoss uniku u serva ta’ punt ta’ riferiment mit-tnedija tiegħu fl-2021. Fl-2023 bdew l-iktar vjaġġ riċenti tagħhom: Causatum. Dan l-album, li ġie varat fil-Valletta Campus Theatre fis-6 t’April 2024, hu ġabra mużikali li sservi ta’ xempju tal-evoluzzjoni u l-kreattività tal-grupp. Il-kollaboraturi ta’ dan il-proġett huma mużiċisti kapaċissimi: Mark Attard fuq il-pjanu u l-keyboard, Luke Briffa fuq id-drums u l-perkussjoni, u André Micallef fuq il-baxx.
Dewqa: Spotify | Bandcamp | YouTube
Ritratt ta’ André Micallef.