Ritratti ta’ Priscilla Cassar u Jean Paul Borg.
Nhar it-Tlieta, is-17 ta’ Settembru, Inizjamed iċċelebrat il-frott tat-tieni sena ta’ Niġru Ġrajja, proġett imtella’ minnha stess, megħjun mill-Premju tal-President għall-Kreattività u ġestit mill-Uffiċċju tal-President ta’ Malta flimkien mal-Kunsill Malti għall-Arti. Għal sena oħra, il-proġett ħadem ma’ demografiji differenti tas-soċjetà Maltija, u fil-jum imsemmi, Inizjamed laqqgħet lill-parteċipanti, u waqt li kienu flimkien irrakkontaw l-istejjer tagħhom lil xulxin.
Għal sena oħra, dal-proġett ta pjattaforma permezz ta’ gazzetta lil stejjer ta’ persuni li rarament iwasslu kelmithom minkejja li jgħaddu minn ħafna u għandhom ħafna xi jgħidu. Ħafna drabi dawn il-persuni jitqiesu li jitqiesu għadhom żgħar wisq (it-tfal), jew kibru wisq (l-anzjani), jew m’ilhomx Malta wisq (l-immigranti). Imma l-pubblikazzjoni tat-tieni ħarġa tal-gazzetta bl-istess isem tal-proġett qed tagħti posterità lill-istejjer tagħhom, li nħmew waqt diversi workshops.
Inizjamed tixtieq tirringrazzja lil Priscilla Cassar, Leanne Ellul u Rita Saliba li mexxew il-workshops mal-anzjani, l-immigranti u t-tfal rispettitvament. Jan Carson, ir-rumanziera mill-Irlanda ta’ Fuq, mistiedna tal-Festival Mediterranju ta’ Malta tal-2020 kienet il-mistiedna speċjali ta’ din is-sena u tat żewġ workshops lill-anzjani residenti f’San Vinċenz de Paul. Ħajr speċjali lit-tmexxija ta’ San Vinċenz de Paul, id-Dar ta’ San Ġużepp u l-komunità Torka f’Malta li laqgħuna b’idejhom miftuħa u nfetħu għal ħidma flimkien.
Il-proġett huwa kkordinat minn Jean Paul Borg.