Inizjamed Blue White@0.5x

Festival Mediterranju tal-Letteratura ta Malta / Malta Mediterranean Literature Festival
Il-Ġrajja  Li Ġriet

Il-Ġrajja Li Ġriet

Bejn id-29 u t-30 ta’ April, 2023, Inizjamed laqgħet lill-kittieb Kamerunjan Eric Ngalle Charles bħala l-mistieden speċjali tal-proġett Niġru Ġrajja.

Niġru Ġrajja - Eric Ngalle Charles u l-parteċipanti. Ritratt ta' Katel Delia.
Niġru Ġrajja – Eric Ngalle Charles u l-parteċipanti. Ritratt ta’ Katel Delia.

Dan il-proġett huwa mmexxi minn Inizjamed permezz tal-koordinazzjoni ta’ Jean Paul Borg u huwa wkoll wieħed mill-proġetti tal-Premju tal-President għall-Kreattività, finanzjati mill-Kunsill Malti għall-Arti, u għandu l-għan li permezz tar-rakkuntar tal-istejjer jixħet dawl fuq l-istejjer ta’ persuni diversi, u li dawn jixxerdu kemm jista’ jkun mal-pubbliku. Intgħażlu l-istejjer bħala l-medju ewlieni ta’ dan il-proġett għax nemnnu li jagħmluna aktar umani; permezz tagħhom jinbena pont bejn il-memorji u l-preżent, u jgħinuna ngħixu n-narrattivi mill-ġdid.

Niġru Ġrajja - Jean Paul Borg, Eric Ngalle Charles u Abbass Mussa Jameah Abbass. Ritratt ta' Katel Delia.
Niġru Ġrajja – Jean Paul Borg, Eric Ngalle Charles u Abbass Mussa Jameah Abbass. Ritratt ta’ Katel Delia.

Ngalle Charles ta żewġ laboratorji ta’ ħidma matul tmiem il-ġimgħa ma’ udjenza ta’ immigranti li l-oriġni tagħhom tvarja mill-Amerka t’Isfel, għall-Afrika, għall-Ewropa. Bħala immigrant innifsu, il-kittieb offra pont ideali għall-istejjer f’moħħ l-udjenza tiegħu u l-mod kif iwassluhom fuq il-karta. Fl-ispirtu ta’ inklużjoni tal-proġett, Ngalle Charles kien megħjun minn Abbas Mussa li serva bħala interpretu għall-Għarbi.

Il-pubbliku li għadu jiftakar lil Eric Ngalle Charles mill-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta tal-2019 kien mistieden għal ikla f’San Remo Bar, il-Mosta. Justine Somerville qrat xi traduzzjonijiet ta’ xogħlu għall-Malti waqt li l-kittieb qasam xogħlu mal-pubbliku preżenti.