Artiklu ta’ Omar Seguna, li deher fit-Torċa tal-5 ta’ Settembru 2021.
Inizjamed hija organizzazzjoni kulturali Mediterranja (irreġistrata bħala Għaqda Volontarja f’Malta, li twaqqfet fl-1998 bil-għan li tmexxi proġetti kulturali u artistiċi fuq livell lokali u internazzjonali. Wara li s-sena l-oħra l-Festival kien kostrett li jillimita ruħu għal attivitajiet online, din is-sena Inizjamed reġgħet lura lejn il-beraħ tal-Forti Sant’Iermu biex ittella’ s-sittax-il edizzjoni tal-Festival tagħha. Il-Festival ittella’ matul żewġt iljieli, nhar il-Ġimgħa, 27, u s-Sibt, 28 ta’ Awwissu. L-awturi mistiedna għall-edizzjoni ta’ dan il-Festival kienu Ghayath Almadhoun, Miriam Calleja, Inua Ellams, Leanne Ellul, Katerina Iliopoulou, u John Portelli. Kym Pepe u Michael Azzopardi ipprovdew il-mużika lejla kull wieħed waqt li l-mużiċisti residenti kienu Effie Azzopardi u Kenneth Sacco. Il-qari kien l-aktar bil-Malti u bl-Ingliż, imma nqraw ukoll xi xogħlijiet qosra bil-lingwa oriġinali li nkitbu biha. Inizjamed tellgħet dan il-Festival bl-appoġġ tal-Kunsill Malti għall-Arti. Dan il-Festival ingħata rikonoxximent internazzjonali permezz tat-timbru tal-EFFE Europe for Festivals, Festivals for Europe. Il-Festival huwa msieħeb ukoll fil-proġett Ir-Rotta tal- Feniċi tal-Kunsill tal-Ewropa. F’din il-Paġna se nagħtukom togħma ta’ dan il-Festival billi ndewqukom ftit mill-poeżiji illi nqraw. Qed naqsam magħkom tagħrifa dwar kull awtur/awtriċi, ikkupjata mis-sit inizjamed.org.
Miriam Calleja
Miriam Calleja hija poetessa Maltija. Il-kotba tagħha Pomegranate Heart (EDE Books, 2015) u Inside Skin (EDE Books, 2016) ġew deskritti bħala ‘friski,’ ‘intimi’ u ‘senswali.’ Is-sena li għaddiet ħarġet ktieb u rekording tal-poeżija twila Remember bħala rikordju ta’ dawn iż-żminijiet tal-pandemija. L-aktar poeżiji riċenti ġew ippubblikati fil-ktieb Stranger Intimacy (Stamperija Reljic, 2020) u fil-ktieb tal-arti kollaborattiv Luftmeer (2021) ippubblikat f’Maastricht, fl-Olanda. Ix-xogħol tagħha ġie ppubblikata u tradott f’numru ta’ ġabriet madwar id-dinja. Fl-2020, waqt residenza artistika ta’ xahrejn fil-Ġermanja, ħadmet fuq proġett li ġie ppreżentat fil-Festival ta’ poeti nisa Schamrock, f’Munich. Miriam hija kofondatriċi u Viċi President tal-għaqda volontarja PEN Malta, li bħalissa qed tistenna akkreditazzjoni minn PEN International. Miriam qrat ix-xogħol tagħha f’numru ta’ pajjiżi fl-Ewropa u fl-Amerika. Taħdem ukoll bħala kittieba fil-qasam tas-saħħa u oqsma oħra. Aktar informazzjoni mis-sit elettroniku, miriamcalleja.com
Ottubru
ħallejthom warajja l-imluħa
l-irwejjaħ tax-xemx
l-art sħuna taħt saqajja
ħafjin
ħallejthom ikaxkru x-xhur
imbagħad dawn l-aħħar
ġranet, l-aħħar sigħat
dewwibthom ħelu sugu
manna
(mank għidtli li fl-aħħar
se ddawwarli l-paġni
kull waħda vojta
nistħajjel se nibdew mill-ġdid)
Ghayath Almadhoun
Ghayath Almadhoun huwa poeta Palestinjan imwieled f’Damasku, is-Sirja. Fl-2008 emigra lejn l-Iżvezja u bħalissa qed jaqsam ħinu bejn Berlin u Stokkolma. Huwa ppubblika erba’ ġabriet ta’ poeżija bl-Għarbi u xogħlu ġie tradott f’diversi lingwi. Almadhoun ikkollabora ma’ poeti u artisti oħra u l-poeżija tiegħu ntużat mill-artista Amerikana Jenny Holzer u l-mużiċista Ġermaniża Blixa Bargeldn f’xogħol tagħhom. L-aħħar ġabra tiegħu, Adrenalin, ġiet ippubblikata bl-Ingliż minn Action Books (2017). Din il-ġabra kienet fost l-aktar ġabriet mibjugħa mid-dar tal-pubblikazzjoni SPD fl-Istati Uniti għal erba’ xhur sħaħ u ġiet nominata għall-Premju tal-Aqwa Ktieb Tradott tal-2018. Il-ġabra bl-aħjar poeżiji tiegħu Ein Raubtier names Mittelemeer (Predator called the Mediterranean), ippubblikata minn Arche Verlag (2018), telgħet fil-quċċata tal-lista Liptrom-Bestenliste tal-istess sena fil-kategorija tal-aqwa kotba tradotti għall-Ġermaniż. Dan l-aħħar ingħata borża ta’ studju ta’ sena fil-programm DAAD Artisti f’Berlin, u riċentament il-film tal-poeżija tiegħu Évian rebaħ il-premju tal-Aqwa Film tal-Poeżija fiż-Zebra Poetry Film Festival. ghayathalmadhoun.com
Kif sirt… Traduzzjoni ta’ Miriam Calleja mill-poeżija ‘How I became…’
In-niket li kellha waqalha mill-gallarija u tkisser f’kemm-il biċċa, u ħtieġet niket ġdid. Meta mort issuq magħha l-prezzijiet kienu m’għola s-sema, allura għidtilha tixtri wieħed użat. Sibna wieħed għadu tajjeb ħafna, għalkemm kien kemmxejn kbir. Il-bejjiegħ qalilna li n-niket kien ta’ poeta li kien ħa ruħu b’idejh is-sajf li għadda. Dan in-niket għoġobha, u ddeċidejna nixtruh. Pruvajna niġġebdu fil-prezz u l-bejjiegħ offrielna mudell ta’ anzjetà mis-sittinijiet b’xejn jekk nixtru dan-niket. Qbilna, u jiena kont kuntenta b’din l-anzjetà għall-għarrieda. Ħabibti ħassett li kont kuntenta biha u qaltli ‘Żommha.’ Ħadtha u għamiltha fil-basket u tlaqna. Filgħaxija ftakart fiha u ħriġtha biex inħares lejha. Kienet ta’ kwalità fina u għadha tajba ħafna minkejja nofs seklu użu. Naħseb li l-bejjiegħ ma kellux idea kemm tiswa għax kieku ma kienx jagħtihielna b’xejn ma dak in-niket ta’ poeta żagħżugħ ta’ kwalità inferjuri. Kont kuntenta l-aktar bil-fatt li din l-anzjetà kienet eżistenzjali, magħmula bir-reqqa u mżejna b’dettalji mill-isbaħ u l-aktar fini. Nissoponi li kienet ta’ bniedem intelletwali ta’ ħafna skola jew inkella ta’ xi ex-ħabsi. Bdejt nużaha u nnuqqas ta’ rqad u jiena sirna ħbieb tal-qalb. Bdejt insegwi t-trattati tal-paċi bir-reqqa u ma bqajtx inżur lill-qraba. L-ixkafef tal-kotba tiegħi ntlew memoirs u l-opinjoni tiegħi rari kont insemmaha. Il-bnedmin saru aktar importanti għalija minn pajjiżi u bdejt inħoss ċertu nuqqas u dwejjaq, imma l-aktar ħaġa li nnutajt hija li kont sirt poeta.
Leanne Ellul
Leanne Ellul tikteb poeżija u proża. Fil-passat kitbet għat-teatru u għadha tikteb it-textbooks u kotba oħra għat-tfal. Traduċiet ukoll numru ta’ kotba għall-Malti. Tgħallem iż-żgħażagħ il-Malti u tħarriġhom fil-kitba kreattiva. Fl-2016 ġiet magħżula bħala l-awtriċi emerġenti tas-sena. L-ewwel rumanz tagħha għażżgħażagħ, Gramma, rebaħ il-konkors ta’ kitba Letteratura għaż-Żgħażagħ u ġie tradott għall-Ingliż u l-Għarbi. L-ewwel kollezzjoni ta’ poeżiji tagħha jisimha L-Inventarju tal-Kamra l-Kaħla u bħalissa qed taħdem fuq it-tieni ġabra f’kuntest interdixxiplinarju fuq il-kulur abjad. Ellul tifforma parti minn numru ta’ entitajiet kulturali, fosthom Inizjamed u HELA. Aktar informazzjoni missit elettroniku, leanneellul.net
Fuq stejjer
Taqbad il-lejl bi skitienek
u tfellu f’elf biċċa u waħda.
Tissogra tifforma stejjer sagri –
tikk’iktar reali mir-reali, tikka iktar veri.
U tgħaqqadhom f’ordni
kważi preċiża
u tagħmel minnhom storja
trieġi s-snin.
Dawn stejjer pezza waħda.
U jien u int mitluqa fihom
inġarrbuhom ġdid.
Ma tafx kif spiċċajt hawn
– jien, int –
jew qabel qlajt għajnejk
mill-art
kontx taf li jien kont ili
nħares lejn
għajnejk minn qabel ma
rajthom, tgħallimthom.
Li bassart għalik xagħar
griż qabel twelidek
u l-kisra tiegħek tgħallimtha
bl-amment l-ewwel darba
li għedtlek
li għandi pjaċir li qed niltaqa’
miegħek
u int ma ndunajtx li lpjaċir
kien tiegħi
u li din l-istorja insiġtha
b’subgħajk ġrunċjati
imissu ġismi għarqan irattab
snin
staġnati jridu jwerżqu
karba ġdida.
Dwar l-ordni kważi
preċiża, inkompliha jien.
Imma xi mkien fin-nofs,
bejn int u jien,
hemm aħna qed nistejqru
mit-traġedja.
Inua Ellams
Inua Ellams twieled in-Niġerja. Huwa poeta, drammaturgu u performer, artist grafiku u disinjatur, u l-fundatur ta’ The Midnight Run (mixja billejl fi spazji urbani mimlija arti), The Rhythm and Poetry Party (The R.A.P Party – ċelebrazzjoni ta’ poeżija u hip hop), u Poetry + Film / Hack (P+F/H – ċelebrazzjoni tal-poeżija u l-film). L-identità, l-ispostament u d-destin huma temi f’xogħlu. Fih u permezz tagħhom jipprova jħallat il-qadim mal-ġdid: stejjer mit-tradizzjoni orali Afrikana ma’ poetika kontemporanja, żebgħa ma’ pixels, tessut ma’ vector. Ġie kkummissjonat xogħlijiet mill-Kumpanija Royal Shakespeare, in-National Theatre, it-Tate Modern, Louis Vuitton, u r-radju u t-televiżjoni tal- BBC. Rebaħ ukoll diversi premji konnessi mad-drittijiet umani, il-poeżija u t-teatru minn entitajiet bħall-Edinburgh Festival Fringe, Hay Festival u Liberty. Aktar informazzjoni mis-sit elettroniku, inuaellams.com
It-trab / imur jitnejjek Traduzzjoni ta’ Clare Azzopardi
Qatt qomt b’ħasda / filforġa tal-idlam lejl fl-4 ta’ filgħodu / bit-taħbit salvaġġ ta’ qalbek / u biex tikkalma l-barri fferoċjat ta’ ġo fiha/ ippruvajt tiffoka fuq kwalunkwe ħaġa / l-eqreb ponta ġdida ta’ lapes / il-waqgħa mġewħa tal-ġirasol / tissue mgħaffġa bħal sħaba ġa użata / Xegħeltu s-swiċċ tal-lampa / indunajt bil-lega trab fuq wiċċ il-mejda / ersaqt biex timsaħha / imma waqaft zopptu / tiftakar f’artiklu nofsu moqri / li t-trab tad-Dar huwa 80% ġilda umana / Hekk ikkonfermajt mill-Google / Allura tersaq iktar biex teżamina kull traba / Li kienet biċċa kappell tal-għajn / Li kienet xoffa mqarqċa / Li xi darba kienet widna tissemma’ / Tikkunsidra tifli d-dar kollha / xkupa u pala f’idejk / biex tfarfar ġo skutella / dak kollu li kont / iżżommha bħaċ-ċereali waqt il-kolazzjon / u b’mgħarfa tpoġġi lilek lura fik / biex tirregala lilek / ’l int / imma l-ewwel għaddi sebgħek minn fuq wiċċ il-mejda u ġib dak li ssib / qrib biżżejjed biex ixxomm / qrib biżżejjed biex tilgħaq
John P. Portelli
John P. Portelli huwa professur emeritus fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni tal-Ġustizzja Soċjali, OISE, fl-Università ta’ Toronto. Huwa l-awtur, koawtur u koeditur ta’ 22 ktieb, fosthom erba’ ġabriet ta’ poeżija, ġabra oħra tradotta għall-Grieg (The Loves of Yesterday, Ateni: Oropodo, 2020), tnejn oħra ta’ novelli (waħda minnhom tradotta għall-Ingliż: Everyday Encounters, Burlington, ON: Word and Deed, 2019), u rumanz (Kulħadd Barra Fajża, Malta: Horizons, 2018, tradott għall-Ingliż, Everyone but Fajza, Word and Deed, u Horizons, 2021). L-aħħar żewġ ġabriet ta’ poeżija tiegħu huma Imkien għall-Kenn (Malta: Horizons, 2020), u Dar-Riħ Malizzjuż (Malta: Horizons, 2021). Huwa ilu jgħix il-Kanada mill-1977, iżda issa jgħix bejn il-Kanada, Malta u lil hinn. Sit: john-peter-portelli.com
Ħad-Dingli
lir-raħal li rabbieni
xejn ma jibqa’ li jkun
tiksaħ ruħi tistenna l-bidu
tagħha
tinkorla ma’ wiċċ il-qawwa
ta’ xejn ittantajt inħobbok
irdumek qalil wisq
ibeżża ’l-ħuttaf
ta’ xejn stennejtni
ta’ xejn ittamajt jien
tlaqt
u int
kemm iddum tistenna
għalxejn?
naf li ġieli tkabbart
ġennibtek
illum
fuq għoljietek
anke l-blat niggieżi taxxagħri
l-għollieq u s-sagħtar
niexef
jiġbduni
il-baħar font vizzjuż
isaħħarni
l-ħuttaf ħafif
iwennisni
fix-xejn il-milja
u jiena hawn
dejjem nibża’
li ma nerġax inżurek
għax ħloqt l-eżilju tiegħi
bla post
kuljum
bla ħin
Katerina Iliopoulou
Katerina Iliopoulou hija poetessa, artista u traduttriċi. Tgħix u taħdem f’Ateni. Hija l-awtriċi ta’ erba’ ġabriet ta’ poeżija, ta’ ktieb ta’ poeżija u fotografija, u ta’ ġabra ta’ novelli. Hija wkoll l-editriċi u waħda mill-awturi ta’ żewġ ġabriet kollettivi ta’ saġġi fuq il-poetika. It-traduzzjonijiet tagħha, li nġabru wkoll f’kotba, jinkludu għażliet estensivi mix-xogħlijiet ta’ Sylvia Plath u Walt Whitman. Il-poeżija tagħha ġiet tradotta u ppubblikata f’rivisti letterarji, ġurnali u antoloġiji f’diversi lingwi, u pparteċipat f’ħafna festivals internazzjonali tal-poeżija. Hija l-Editriċi Ġenerali ta’ FRMK, ġurnal bjennali ta’ poeżija, poetika u arti viżwali. Hija wkoll koeditriċi tassit bilingwi www.greekpoetrynow.com.
Cape Tenaron
Maqluba għall-Malti minn John P. Portelli
Hawn il-jiem ma jintilfux/
jinħallux/jisparixxux fl-arja
jaqgħu fl-ilma
jiffurmaw għata tagħhom
stess
li tifred.
Seqer jittajjar fuq l-iġsma
sajfija
jinżel sparat u jerġa’ jogħdos
jitrejjaq u jisker millwaqgħa.
M’hawn projpu xejn
hawn
ħlief ir-riħ miġnun u l-ġebel
u l-baħar
u wegħda ta’ kif ġie ġie/
mingħajr pjan
issinn il-kilba b’xafret
il-qamar.
Meta wasalt hawn
għall-ewwel darba
f’dan il-ftuħ temmiem
ir-riħ nifed ’l ħalqi b’rabja
qalila
bħallikieku jiena biss
kont neżisti għalih
u hekk kliemi dab fix-xejn.
Kull siġra tħaddan ir-riħ
kif trid hi
min ibati
min jirreżisti
(Iltqajt ma’ palma li welldet
ir-riħ
u xerrditu ma’ kull inħawi)
Oħrajn jirtogħdu u
jkanġu l-kuluri.
Sintendi jiena minix siġra
poġġejt bilqiegħda u lbist
ir-riħ
bħal għata
baxxejt rasi u ħarist lejn
l-art
l-għeruq tas-sagħtar jixirfu
minn xquqaha
u bil-iroglafici tagħhom
jissieltu għad-dawl
u hekk erġajt ftakart
il-kliem