Inizjamed Blue White@0.5x

Festival Mediterranju tal-Letteratura ta Malta / Malta Mediterranean Literature Festival
Kemm Xtaqt (Ngħannqek)

Kemm Xtaqt (Ngħannqek)

Illejla, l-Erbgħa 29 t’April 2020, fit-8.00pm, tliet kittieba Maltin se jingħaqdu magħna virtwalment biex jaqrawlna siltiet minn xogħlijiethom. Idħol fl-avveniment minn din il-ħolqa: https://meet.google.com/mur-tfxp-znq. Iktar dettalji hawn taħt.

Kemm Xtaqt (Nghannqek)

Tgħanniqa

Dan iż-żmien it-tgħanniq huwa pprojbit, jew għall-inqas meqjus b’ħażin. Forsi wkoll jaf jibagħtek id-dinja l-oħra. Imma t-tmellis tal-poeżija u t-tgħanniq li jġib miegħu huwa aċċettat. Għalhekk se niltaqgħu għal lejla letterarja oħra online. Il-pubbliku se jkun ukoll imħeġġeġ biex iħalli l-kummenti tiegħu u jipparteċipa. Il-kitba ssir letteratura meta tinqara, jew tinstema’.

Idħol f’din il-ħolqa għal iktar dettalji: https://www.facebook.com/events/665847067573521/

Il-Kittieba

John P. Portelli

John P. Portelli emigra lejn il-Kanada fl-1977 fejn għamel il-Masters u d-Dottorat fil-filosofija, u sa mill-1982 għallem f’universitajiet fil-Kanada. Illum huwa professur fid-Dipartiment tal-Ġustizzja Soċjali fl-Edukazzjoni, OISE, l-Università ta’ Toronto. Barra ħdax-il ktieb ta’ natura akkademika, huwa ppubblika erba’ ġabriet ta’ poeżiji, żewġ ġabriet ta’ stejjer qosra, u rumanz. Ix-xogħol tiegħu ġie maqlub għall-Ingliż, Franciż, Taljan, Farsi, Għarbi, Grieg u Rumen. F’Jannar ta’ din is-sena il-publikatur Oropodo, f’Ateni, ħareġ ġabra ta’ erbgħin poeżija ta’ Portelli maqluba għall-Grieg, bit-titlu The Loves of Yesterday.


Simone Inguanez

Simone Inguanez hija poeta u traduttriċi, u taħdem fil-qasam tal-espressjoni kreattiva fil-komunità. Hija twieldet Bormla fl-1971.

Simone hija l-awtriċi ta’ Ftit Mara Ftit Tifla Klabb Kotba Maltin) u Water, Fire, Earth and I: għażla ta’ xogħlijiet tagħha maqluba għall-Ingliż mill-poeta Maria Grech Ganado (Tr. Maria Grech Ganado, Contemporary Maltese Writers in Translation, Inizjamed & Midsea Books, 2005), u koawtriċi ta’ 7 Poets 4 Days 1 Book (Texas: Trinity Press, 2009).

Il-poeżiji tagħha inqalbu għal diversi ilsna u ġew ippubblikati f’għadd ta’ antoloġiji u fuq siti elettroniċi letterarji varji. Fl-2007 intgħażlet bħala kittieba residenti fl-International Writing Program (IWP) t’Iowa, u ppreżentat ix-xogħlijiet tagħha f’numru ta’ festivals u workshops.

Hija ggradwat bħala avukat fl-1995, u ssuktat bi studji fix-xjenzi umanistiċi u l-lingwa. Hija serviet fil-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti sa minn meta twaqqaf, fl-2005.

Ritratt ta’ Virginia Monteforte.


Norbert Bugeja

Norbert Bugeja ippubblika żewġ ġabriet ta’ poeżija bil-Malti, Nartiċi (Klabb Kotba Maltin, 2016) u Bliet (Edizzjonijiet Emma Delezio, 2009).

Huwa Senior Lecturer fl-Istudji Postkolonjali fi ħdan l-Istitut tal-Mediterran fl-Università ta’ Malta, Deputat Chairperson tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u Editur Ġenerali tal-Journal of Mediterranean Studies.