| Walter Micallef Iniedi l-Ewwel CD Album | ||
|
|
||
|
Skiet Skomdu
“Nei testi di canzone sembra si sia concentrata tutta la poesia possibile nel nostro tempo, come se essa vi esalasse l’ultimo o il penultimo respiro. D’altra parte il testo di canzone è un corpo sonoro, inscindibile dalla musica che gli è toccata in sorte.” Manlio Sgalambro (Teoria della Canzone, Bompiani, 1997)
Walter Micallef huwa kantawtur sinċier li kapaċi jirrakkonta l-esperjenzi, kultant ibsin u intimi, u jissublimahom, mingħajr ma jibbanalizzahom; jirnexxilu jesprimi l-ħsus u l-ħsibijiet ta’ nies ta’ etajiet u esperjenzi differenti. Imma l-kwalità li tagħmlu kantawtur ewlieni u pjuttost rari f’pajjiżna mhix is-sinċerità imma l-ħila li jinqeda bil-kelma biex jirrakkonta l-ħajja mill-ġdid. Micallef kapaċi jfisser l-affarijiet b’mod li jibdew jeżistu, kif jgħid Luis Sepúlveda, “skond il-piż veru tagħhom”. Bħall-poeti, il-kantawturi huma artisti tal-kliem, tas-silenzji bejn il-kliem, tal-possibbiltajiet lilhinn; u Walter jirnexxilu jgħid dak li aħna nħossu u li ma jirnexxilniex nartikulaw bil-mod sabiħ tiegħu.
F’“Tihom Widen” il-kantawtur jirrifletti fuq ir-rwol tiegħu bħala narratur tiegħu nnifsu u ta’ niesu. Il-fil soċjali li jinħass fl-għanjiet tiegħu mhuwiex libsa komda jew moda imma r-riżultat tal-ħtieġa li jħoss li jitkellem dwar dak li jinkwetah. “Sieħbi fil-Cupboard tal-Kċina” u “In-Nofsinhar” huma tnejn mill-aħjar eżempji ta’ din is-sensibbiltà personali-soċjali. Bħall-awtur ideali ta’ Sepúlveda, il-kantawtur “jinsab fil-ħajja”, u jgħid dak li jgħid mhux biss għax jarah, bħala osservatur maqtugħ, imma għax iġarrbu hu u, permezz tal-ġenju ta’ l-arti, jagħtina l-opportunità li nġarrbuh miegħu.
Il-kantawturi huma mużiċisti tal-kliem; jirnexxilhom isaħħru u jinftiehmu fl-istess ħin għax f’kull kelma jaraw potenzjal artistiku u l-ħila li jmorru lilhinn.
F’idejn artisti bħal Walter Micallef, kull kelma għandha sehem x’tagħti, ġejja minn fejn ġejja, jużaha min jużaha, jgħidu x’jgħidu fuqha. U f’idejn l-udjenza hemm is-skiet skomdu u l-mistrieħ ta’ wara l-kliem.
© Adrian Grima Frar 2003 |
||
Ara wkoll dawn l-artikli:
Rosanne Zammit, "Songwriter takes leap into recording CD", The Times, 5 April, 2003 http://lifestyle.timesofmalta.com/article.php?id=1050
Miriam Dunn, “Words with Meaning”, Malta Today, Sunday, 23 March, 2001 http://www.maltatoday.com.mt/2001/0323/people.html
Ramona Depares, "The third degree with Walter Micallef", Malta Today, Sunday, 16 February, 2003 http://www.maltatoday.com.mt/2003/02/16/tw/index.html
Stanley Borg, “The Chords of Justice”, The Times, 18 January, 2003 http://lifestyle.timesofmalta.com/article.php?id=782
Adrian Grima, “Uncomfortable Silence” http://www.geocities.com/inizjamed/walter_micallef_cd_eng.htm
Steve Borg, “Walter Micallef - L-Ikona tal-Ħajja”, (1 March, 2002) http://www.my-malta.com//interesting/WalterMicallef.html
Adrian Grima Is-17 ta' April, 2003 |
||