|
Letteratura
Kontemporanja Maltija
Studenti Ġermaniżi
f'Pembroke
It-Tnejn, 20 ta' Ġunju,
2005
Nhar
it-Tnejn, 20 ta' Ġunju, fis-7.30pm, fis-sala tal-Kunsill ta' Pembroke,
għadd ta’ awturi Maltin iltaqgħu ma’ studenti Ġermaniżi li qed jaqraw u
jagħmlu riċerka dwar il-letteratura kontemporanja Maltija. L-istudenti
huma mill-Gymnasium an der Schweizer Allee ta’ Dortmund (Aplerbeck).
Aplerbeck
tinsab fil-punent tal-Ġermanja u hija wieħed mill-għaxar distretti
muniċipali fi ħdan il-belt ta’ Dortmund.
Iż-żjara
kulturali f’Malta ta’ dawn il-ħmistax-il student u studenta ta’
tmintax-il sena u ż-żewġ għalliema tagħhom, fosthom is-Sur Wilfried
Renkhoff, saret bejn it-18 u l-24 ta’ Ġunju, 2005, u qabel ma waslu
Malta diġà kien inkiteb dwarha f’waħda mill-gazzetti ta’ Dortmund. Bħala
parti mill-kors tagħhom, kellhom test interessanti ħafna dwar wieħed
mit-testi Maltin li studjaw fil-verżjoni tradotta għall-Ingliż: "/No
adjective describe story/" ta' Clare Azzopardi.
Dakinhar
tal-laqgħa bejn il-kittieba ta’ Inizjamed u l-istudenti Ġermaniżi,
fis-6.30pm, is-sindku tal-Kunsill ta' Pembroke, is-Sur Joe Zammit, mexxa
dawra madwar is-siti storiċi u l-proġett ta’ tħawwil tas-siġar
f’Pembroke. Għal dawn l-attivitajiet attendew ukoll xi studenti Maltin.
Il-kittieba Maltin kienu Clare Azzopardi, Norbert Bugeja, Maria Grech
Ganado, Adrian Grima, u Simone Inguanez.
Waqt
il-laqgħa ta’ diskussjoni li bdiet fis-7.30pm, il-kittieba Maltin qraw
xogħol minn tagħhom, bil-Malti u bl-Ingliż, u mbagħad saret diskussjoni
ma' l-istudenti li tkellmu anki dwar il-proġett ta' riċerka tagħhom dwar
il-letteratura kontemporanja Maltija.
|