"Sħaba Gawwi"

u l-Funzjoni tal-Poeżija 


 

 

  

© Ray Galea

Ġwann-Marì Vella twieled Tas-Sliema fl-14 ta’ Diċembru, 1927 u miet fil-25 ta’ Frar, 1988. Studja l-Liċeo u s-seminarju tal-Frangiskani. Fl-1952 ġie ordnat patri u ħa l-isem ta’ Marjanu. Jingħad li fl-1941 beda jikteb bil-Malti u xandar għadd ta’ kotba ta’ proża u poeżija. Matul ħajtu ppubblika erba’ ġabriet ta’ poeżiji għall-kbar: Dgħajjes tal-Karti (1969), Ħitan tas-Sejjieġ (1975), Ġarġir mal-Ħerża (1979), u Qoffa Riħ (1985).  Il-ġabra Demm fuq il-Verna (1989), imħejjija minn Patri Norbert Ellul-Vincenti OFM, ħarġet sena wara mewtu. Fis-sena 2000 Oliver Friggieri ħareġ antoloġija b’għażla mill-poeżiji ta’ Patri Marjanu Vella. Qatta’ aktar minn tletin sena minn ħajtu jagħmel xogħol pastorali fiż-żona f’Tas-Sliema fejn illum hemm triq imsemmija għalih u li qabel kienet magħrufa bħala Strada Rosa.  

    

Inizjamed (imwaqqfa fl-1998) hija organizzazzjoni kulturali mediterranja li tmexxi proġetti b’dimensjoni soċjali u proġetti li jippromwovu għarfien aħjar tal-kulturi li jeżistu fir-reġjun tal-Mediterran. Wieħed mill-proġetti li rebbħu lil Inizjamed l-għarfien speċjali min-naħa tal-Gvern Malti għall-ħidma li twettqet fl-2000 kien il-proġett “Fabbrikazzjoni” maħdum bejn grupp ta’ kittieba u żgħażagħ li jaħdmu fil-fabbriki. Fil-kamp internazzjonali, Inizjamed hija membru ta’ l-għaqda li tmexxi l-Bjennale Artistika taż-Żgħażagħ mill-Ewropa u mill-Mediterran li kull darba ssir f’belt differenti u tieħu sehem fil-bjennale “Big Torino 2000”. Fis-sentejn u nofs li ilha mwaqqfa, Inizjamed ġabet għadd ta’ artisti u nies imdaħħlin fil-promozzjoni kulturali minn barra biex jieħdu sehem fl-attivitajiet tagħha. F’Lulju li ġej, bl-għajnuna tal-British Council, Inizjamed se ġġib Malta lil Kevin MacNeil, awtur ewlieni mill-Iskozja li huwa meqjus bħala wieħed mill-aqwa poeti żgħażagħ li hawn fl-Ewropa. MacNeil se jagħmel sensiela ta’ workshops u “rappreżentazzjoni” letterarja.

 

 

© Ray Galea

 

(Fir-ritratt tidher il-gawwija prima, l-iktar gawwija komuni f'Malta. Ritratt meħud l-Olanda mill-ornitologu Ray Galea.)

“Sħaba Gawwi” huwa proġett multidixxiplinarju ta’ Inizjamed imnebbaħ mill-figura tal-gawwi fil-poeżija ta’ Marjanu Vella (1927-1988). Bejn l-1957 u l-1986, Marjanu Vella kiteb mas-26 poeżija li fihom jissemma l-gawwi; tlieta minnhom huma bit-Taljan u jagħmlu parti mis-sensiela ta’ “Pensieri” li Patri Marjanu xtaq imma qatt ma rnexxielu jippubblika. It-23 poeżija l-oħra huma bil-Malti. 

F’dal-proġett li beda f’April tas-sena 2000, flimkien ma’ nies minn oqsma differenti ta’ l-istudju u tal-ħajja qegħdin nistħarrġu l-figura tal-gawwi minn angoli differenti. Qegħdin nanalizzaw kemm il-gawwi bħala figura letterarja f’Marjanu Vella, bir-rabtiet li din jidher li għandha mal-ħajja tiegħu, kif ukoll il-gawwi bħala għasfur tal-baħar li sikwit ma’ ħsibijiet, emozzjonijiet u mġiba partikulari.

Il-proġett “Sħaba Gawwi”, titlu meħud minn frażi ta’ Patri Marjanu fil-poeżija “Sitta, Sitta” (1974), huwa mnebbaħ, l-ewwelnett, mill-figura affaxxinanti imma sikwit tal-biża’ tal-gawwi. Dawn huma poeżiji li joffru esperjenza ta’ qari u ta’ smigħ: Marjanu Vella jirnexxilu jagħtina firxa sħiħa ta’ ħsejjes u xbihat; ta’ intwizzjonijiet u ħsus; ta’ sensittività u allużjonijiet; u jirnexxilu joħloq dinja, jew aħjar dinjiet, li huma malinkoniċi u sbieħ, u misterjużi u ċari fl-istess ħin.

F’dan is-sens, il-ħila ta’ Marjanu Vella u ta’ kull artista hi li joffri esperjenza, li jeħodna “lilhinn”, mhux sempliċiment informazzjoni jew ħsibijiet jew logħob intelliġenti bil-kliem; permezz ta’ inizjattivi bħal “Sħaba Gawwi” Marjanu Vella jagħtina wkoll l-opportunità li nistħarrġu l-funzjoni tal-poeżija u ta’ l-arti in ġenerali. Skond Jane Gallop Reading Lacan (1985), “all writings lead elsewhere.” Hi temmen li l-qarrejja professjonali, il-professuri tal-letteratura, tgħallmu “jagħrfu u jinjoraw” dan is-seħer, din il-ħajra (“lure”) li hemm fil-poeżija, fil-letteratura. “Dik hija l-ewwel ħaġa li ngħallmu lill-istudenti. “The formalization and professionalization of the study of literature have led to the containment of reading within the text, to a sophisticated rejection of the pull of whatever experience the text migħt allude to, behind or beyond.” Iżda din il-kompartimentalizzazzjoni "that encourages us professionals to treat literature to an attentive, formalistic "reading" while we naively read science or theory referentially has caused us to lose sigħt of the contradictions and anxieties, has blunted the power of the experience of reading."

Mill-Kliem għall-Fatti

Inizjamed qed toffri qari “ieħor”, esperjenza differenti minn dik tal-klassi. Fis-27 ta’ Marzu li għadda, fuq stedina ta’ l-għaqda ta’ l-għalliema tal-Malti, Inizjamed ippreżentat partijiet mill-proġett lil grupp ta’ studenti mir-raba’ sena tas-sekondarja bħala parti mill-programm “Sagħtejn għall-Kultura” fil-Kavallier ta’ San Ġakbu kkoordinat minn Ġorġ Mifsud Chircop. Il-programm kien maqsum fi tliet partijiet ta’ 40 minuta l-waħda: mal-50 slajd tal-gawwi f’għadd ta’ pajjiżi differenti meħudin u ppreżentati mill-ornitologu Ray Galea; dokumentarju ta’ nofs siegħa bl-isem ta’ “Il-Gawwi u Marjanu Vella” maħdum minn Karsten Xuereb u l-istazzjon televiżiv Education 22 għal Inizjamed; u preżentazzjoni ta’ erbgħa mill-“poeżiji tal-gawwi” mill-attriċi Marcelle Teuma u l-perkussjonista Renzo Spiteri.

It-tielet parti kienet tinkludi wkoll dibattitu tiegħi ma’ l-istudenti preżenti dwar il-lingwa u l-funzjoni (tal-films u) tal-poeżija. It-tqassim tal-programm kien maħsub proprju biex iwassal għal riflessjoni fuq dawn it-temi. L-argument ewlieni kien li l-arti hija (fost l-oħrajn) lingwa (u mhux sett ta’ ħsibijiet jew teoriji) li tagħtik l-opportunità li ġġarrab il-ħajja “mill-ġdid”. Dan il-punt jinsab fil-qalba tal-proġett kollu. Skond Baron Wormser u David Cappella fil-ktieb Teaching the Art of Poetry (2000), “Poetry is the art of language and that is the glorious difficulty of it.” Huma jemmnu li “poetry is above all a physical experience. It is the stuff of sound and rhythm and speech, of muscle and voice box and vision and breath and pulse. It affects us physically when we speak it and listen to it. Without that physical basis there is no poetry.”

Naturalment, hemm dimensjonijiet oħra ta’ din l-esperjenza tal-poeżija; u parti sew mis-seħer ta’ din l-arti tal-kelma tinsab proprju fil-fatt li fiha hemm dimensjonijiet differenti: “In truth, poetry – to a degree – should frigħten. Poems cannot be condensed, systematized, or quantified. Poetry concisely registers on the nerves the whole skein of human emotions. It harrows, enthralls, awes, dazzles, confides.” Fl-aħħar mill-aħħar, “Poetry remains an art of essences and essences are unnerving. Poetry is respectably referential [...] but it also exists unto itself and it cares only for its own perfection – the consort of sounds, rhythm, words, form, pauses.”

Letteratura u Ħajja

Ir-rabta bejn il-letteratura u l-ħajja, anki f’min jiktibha, hija dimensjoni oħra li tinteressana f’dan il-proġett, dimensjoni li stħarriġna, fost l-oħrajn, fid-dokumentarju li għamel Karsten Xuereb. Ix-xogħol tagħna ta’ riċerka u intervisti ma’ nies li kienu jafu lil Marjanu Vella personalment fiż-żona f’Tas-Sliema (magħrufa qabel bħala Strada Rosa) laqqagħna mal-kunsilliera Maria Inguanez li organizzat kommemorazzjoni f’isem il-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema u bl-għajnuna ta’ Inizjamed u tal-Patrijiet Franġiskani. Il-kommemorazzjoni kienet esperjenza importanti għalina bħala Inizjamed għaliex minn naħa iltqajna ma’ ħafna nies li kienu jafu lil Patri Marjan mill-viċin u min-naħa l-oħra konna kapaċi nikkollaboraw ma’ ħaddieħor fuq proġett partikulari.

Rajna b’għajnejna stess kemm Marjanu Vella kien viċin tan-nies “komuni” u rajna wkoll mhux biss kemm il-memorja tiegħu hija ħajja fost in-nies ta’ Tas-Sliema imma kemm tista’ tara l-esperjenzi tal-ħidma tiegħu f’dik iż-żona fil-kitbiet tiegħu. Dan huwa qasam li qed jaħdem fuqu Bernard Cauchi (bl-għajnuna ta’ l-istoriku Winston Zammit) u nittama li niżviluppawh kemm nistgħu fit-tieni sena tal-proġett. Wieħed mill-għanijiet ta’ “Sħaba Gawwi” huwa li nistħarrġu wħud mid-dimensjonijiet tal-poeżija ta’ Patri Marjanu u d-dimensjoni soċjali tinteressana partikolarment.

Xogħol ieħor li sar jinkludi analiżi fil-qosor tal-karatteristiċi ewlenin tal-figuri tal-gawwi ta’ Marjanu Vella magħmula minn Bernard Micallef; xogħol fuq il-bijografija tiegħu minn Patri Ġorġ Aquilina; riflessjoni qasira dwar il-gawwi u l-Apokalissi minn Patri Norbert Ellul-Vincenti; riċerka dwar il-gawwi u l-gawwi fil-letteratura minn Stephen Cachia; intervista dwar il-gawwi ma’ sajjied (Ġanni Carabott) u ma’ ornitologu (Ray Galea); intervisti ma’ għadd ta’ nies minn oqsma differenti tal-ħajja li kienu jafu lil Patri Marjanu personalment; u studji oħrajn.

Saru wkoll traduzzjonijiet ta’ xi “poeżiji tal-gawwi” għat-Taljan minn Ġorġ Peresso u oħrajn għall-Ingliż minn Maria Grech Ganado. Dawn ta’ l-aħħar użajthom meta ppreżentajt paper ġewwa l-Università ta’ Colorado, Boulder fil-konferenza annwali ta’ l-American Comparative Literature Association f’April li għadda bit-tema, “Encountering the Bird Within over Water: Revisiting Marjanu Vella's Gull and Coleridge's Albatross over the Mediterranean Sea”.

Dawk kollha li huma interessati fil-proġett “Sħaba Gawwi” jew fl-inizjattivi l-oħrajn ta’ Inizjamed jistgħu jibagħtulna messaġġ f’dan l-indirizz: inizjamed@maltaforum.org. Ħajr għat t-tagħrif dwar il-“poeżiji tal-gawwi” bit-Taljan u bil-Malti lis-Sur Toni Cortis u lil Patri Ġorġ Aquilina OFM. Ħajr ukoll lil Patri Bernard Bartolo OFM, Provinċjal tal-Patrijiet Franġiskani, għall-appoġġ sħiħ tiegħu.

 

Adrian Grima

(Koordinatur, Inizjamed)

Dan l-artiklu deher fil-ħarġa ta’ Ġunju, 2001, tar-rivista The Teacher. Ħajr lil Victor Fenech.


Għall-Ewwel Paġna