| Il-Vizzju tal-Kelma - Leslie Vassallo | ||
| Norbert Bugeja | ||
|
Go to the interview: The Poet from Siggiewi |
||
|
Il-ġimgħa li għaddiet iltqajna fuq il-bank fejn spiss ipoġġi Leslie: il-poeżija. Illum se niltaqgħu mod ieħor ma’ dan il-kittieb mis-Siġġiewi. Se naraw x’għandu xi jgħid fuq il-poeżija li jikteb, fuq ħajtu, il-letteratura, u l-kitba fiha nfisha. Leslie jagħti wkoll il-ħsibijiet tiegħu bħala għalliem tal-letteratura.*
Meta bdejt tikteb? U għaliex tikteb?
Il-kliem, l-istħajjil, l-espressjoni ilhom miegħi ħajti kollha. Is-sens ta’ osservazzjoni, ċerta sensittività. Minn dejjem kont naqra, xi ftit jew wisq; il-kliem jibda jimliek, jitħallat ma’ qalbek u ma’ moħħok, ikun irid joħroġ. Imma bdejt nikteb il-poeżija u novelli b’mod regolari meta kelli 14, 15-il sena. Dak iż-żmien konna ċipru għax missieru kien jahdem hemm. Forsi l-fatt li sibt ruħi mingħajr sħabi tar-raħal u l-iskola ħajjarni biex nintilef aktar fija nnifsi: f’dak li nara, inħoss, naħseb, nixtieq. Il-kitba bdiet hekk, imbagħad kompliet issir ħtieġa għal fehma, tfittxija għall-verità, kif tinħoloq kelma wara l-oħra, tar-relazzjoni tiegħi mal-ħajja, ma’ oħrajn, miegħi nnifsi, ma’ l-istess att ta’ kitba.
Xi rwol għandha l-poeżija fil-poeżija tiegħek?
Il-poeżija ma naħsibx li għadha ‘rwol’ f’ħajti, fis-sens li hi xi dmir, jew xi parti li nilgħab fil-ħin liberu, wara x-xogħol, bejn ħaġa u oħra. Saret jien. Jien il-ħin kollu. Ħajti. Mode de vivre. Addiction. Nikteb bħalma nieħu n-nifs, niekol, nixrob – għax hi ħtieġa, bżonn li ngħix, ninħoloq, nitwettaq kuljum. Dan ma jfissirx li jien immur infittex il-poeżija bil-fanal. Iżda nsibha f’tiġribi u ħafna drabi tiġi tfittixni hi! Nipprova ngħixha wkoll – kif naġixxi, miegħi nnifsi, ma’ sħabi; kif nitkellem. Li toħloq sens, tagħmel il-ħajja aktar sinjura. Kultant tgħejja, tbatti – iżda hi dejjem hemm.
Fis-snin sebgħin u tmenin kien hawn ċertu hiatus fil-poeżija Maltija, ċertu sens ta’ waqfien u nixfa fil-produzzjoni ta’ idjoma poetika “friska” biex insejħulha hekk. Kif kienet l-attività tiegħek fil-kitba dak iż-żmien?
Fis-sebgħin kelli 15-il sena. Fid-disgħin 35. Żmien iż-żgħożija, żmien il-ħolm u l-esperimenti – l-ewwel tiġrib, waqgħat, qawmien ġdid, ferħ kbir, ċaħdiet, tagħlim. L-Univesità. Id-diskussjonijiet. L-aħjar qari. Il-bidu tax-xogħol. Is-safar. Malta wkoll kienet għaddejja minn tqanqil kbir politiku u soċjali: il-kwistjoni mal-Gvern Ingliż, ir-Repubblika, il-Ħelsien, riżultati ta’ l-elezzjonijiet, it-titjib fil-ġid materjali f’taqbida ma’ l-immaturità tal-poplu; il-lezzjonijiet li jweġġgħu.
Wara l-moviment qawwi tas-sittinijiet, f’dawn l-20 sena, il-poeti qishom ma tantx dehru jew kellhom ċans jidhru. Iżda xorta kienu hemm. U friski kemm setgħu. Iżda ma ħolqux xi moviment, baqgħu fil-kexxun, f’xi antoloġija, f’xi ġurnal, fost l-agħa u l-ġirja ta’ żgħożija personali, politika.
Kif tħoss li nbidlet il-kitba tiegħek fuq medda ta’ aktar minn 30 sena?
Il-kitba tal-poeżija għalija hi forma ta’ djarju fejn niġbor u ngħaqqad l-esperjenzi tiegħi. B’hekk, nifhem aktar lili nnifsi, dak li jiġri lili u madwari. L-istess kliem hu għodda li jieħdok minn verità għal ohra, ifannad u jiftaħ fik, ma jħallikx tieqaf. Kif ma tiqafx il-ħajja. It-tigrib ibiddlek, ftit jew wisq; il-viżjoni taċ-ċirku tal-ħajja tinbidel skond fejn tkun fuqu. Il-poeżiji tiegħi tul 30 sena naħseb jirriflettu l-istorja ta’ bniedem li jrid jifhem x’qed jiġrilu, li jrid jilqa’ u jinħoloq. l-Innocence and Experience ta’ Blake. L-istil inbidel ukoll: sar inqas astratt, aktar konkret fis-sens li l-editing innifsu joħloq it-tifsira. Ir-realtà ssir il-metafora.
Mid-Djarju sas-Somalja u l-imħabba, minn Aldo Moro sal-biża’ u l-baħar u l-birra. Il-bagoll tal-kitba tiegħek wiesa’…
Kelma tajba: ‘bagoll’. Il-poeżiji huma s-souvenirs (il-floatsam?) tal-ħaja; dak li jibqa’ mill-vjaġġ li rridu nagħmlu. Tiġbor minn hawn u minn hemm, kultant ikollok aptit tarmi kollox, iżda ma tasalx; kultant tgħid ma niġborx aktar, iżda tkompli. Il-poeżija toħloqha, u toħloq lilek. Tisma’ aħbar, tara wiċċ, tħobb, issiefer, tkun ma’ sħabek fil-ħanut, tmur il-baħar, fil-kampanja; it-tibdil fl-istaġuni, fl-esperjenzi. Dan kollu, kuljum, jista’ jidher irrelevanti, mhux drammatiku, mhux importanti fis-sens materjali jew politiku – iżda kull bniedem li hu tassew bniedm joħloq lilu nnifsu (kif qal Keats) f’ħafna ħwejjeġ, f’ħafna mirja. Borges ifisser lill-artist joħloq labirint ta’ linji bir-reqqa sakemm fl-aħħar isib li kien qiegħed ipinġi l-istess wiċċu.
Jekk miniex żbaljat, għandek xi kitibet imxandrin f’pubblikazzjonijiet barranin, u saħansitra rbaħt konkors prestiġjuż…
Kif għedt int, ħafna mill-poeżija tibqa’ fil-kexxun, għax tinkiteb għax jehtieġ tinkiteb. Madankoll naħseb li kull poeta jrid ukoll jikkomunika, anki jekk ma’ qarrej ipotetiku, jew futur. Jaqsam esperjenza, hi x’inhi, ma’ xi ħadd. Jien dejjem żammejt kuntatt ma’ min irid jaqra, permezz tal-Paġni Letterarji tal-ġurnali Maltin. Kultant f’xi programm fuq ir-radju. Issa qed ninstemgħu iżjed dirett, grazzi għal Inizjamed, PoeżijaPlus, għalik. Ħadt sehem f’antoloġiji lokali. Sikwit ikolli xi ‘haiku’ fl-HQ, quarterly prestiġjuż Ingliż, u ġejt inkluż f’antoloġija internazzjonali The Acorn Book of Contemporary Haiku. Il-konkors li semmejt int kien dak tal-Commonwealth għan-novella (2000). ‘Indicator Joe’ ġiet Highly Recommended minn 3,500 storja.
Min huma l-awturi li tħobb taqa l-aktar, u dawk l l-aktar “serqulek” l-ispazju tal-kitba tiegħek?
Il-kitba ta’ awturi u poeti oħrajn ġieli tħalli effett dirett fuq it-temi u l-istil li tagħżel. Dan jista’ jkun effett tajjeb, jew il-kontra. Iżda naħseb li s-siwi veru tal-qari fuq kittieb hu li jibni fih il-kultura tal-kelma. Kull kelma wżata minu fiha wkoll it-tifsir li nghatat diġà. Bil-Malti nħobb naqra lil Rużar Briffa, Dun Karm u poeżija oħra tajba; dejjem għoġbuni r-rumanzi l-antiki bħal Ineż Farruġ, Ulied in-Nanna Venut… għat-tħaddim tajjeb tal-Malti. Il-kors ta’ l-Università ġabni qrib ta’ bosta kittieba li b’xi mod jew ieħor injettaw din il-viżjoni maħluqa mill-kliem: Shakespeare, Keats, Browning, Tennyson, Wilde, Hardy… Inħobb ukoll lil Neruda, Borges, Marquez, Pessoa, Genet, Grass…
Inti għalliem tal-letteratura Ingliża. X’affinità ssib bejn dan ix-xogħol u l-kitba kreattiva tiegħek?
Inħobb il-letteratura u nixtieq ħafna li l-istudenti tiegħi jħobbuha wkoll għax naf kemm tista’ tagħmilhom aktar ‘sinjuri’, kemm tagħtihom ċansijiet biex jifhmu u joħolqu aktar lilhom infushom, isibu aktar sens u tifsiir fil-ħajja, fin-natura, fir-relazzjonijiet, f’kull esperjenza. Naħseb limeta tkun tħobb xi ħaġa, titkellem b’aktar passjoni dwarha u dan l-entużjażmu jittieħed, speċjalment minn studenti li diġà jħobbu jaqraw, jistħajlu, joħolqu. Sfortunatament bosta studenti jieqfu jaqrw meta jidħlu fis-Sekondarji, minħabba l-ħafna suġġetti, proġetti, tagħlim ta’ memorja… Dan jista’ joħloq diffikultà biex tfisser poeżija, jew dramm – iżda l-entużjażmu għall-użu tajjeb tal-kelma naħseb li jibqa’ miftakar.
*Din l-intervista dehret f’Il-Ġensillum, tas-Sibt, 9 ta’ Awwissu, 2003 |
||
|
|
||
|
The Malta Independent First Sunday, June 22, 2001
“I am an alcoholic, I’m a drug addict and I’m a genius,” the
controversial Truman Capote once said. The impulsive Oscar Wilde when
passing through customs, pronounced that he had nothing to declare but his
genius. Statements such as these help generate the image of the artist as
a whimsical and conceited creature – an egocentric who sees others, even
those he loves, as mere satellites lit up by his own light.
|
||
|
|