| |
|
Clare Azzopardi
dwar
il-workshops
"B'xi mod dawn il-workshops tal-kitba
nixtieqhom jistimulaw lil dawk iż-żgħażagħ li jridu jiktbu, biex jiktbu
xi ħaġa differenti. Kulħadd għandu xi jgħid u kulħadd għandu x'jikteb.
Imma ħafna drabi neħlu meta niġu biex nirrakkontaw l-iktar affarijiet
intimi, l-iktar affarijiet li jirrabjawna, l-iktar affarijiet strambi u
koinċindentali ... U ħafna drabi jiġri wkoll li nirrakkontaw biss
l-istejjer tagħna, li forsi ma jkunux daqshekk eċitanti; u l-istejjer
ta' Peppi u ta' Stella ta' faċċata ninsewhom, u forsi dawn ikollhom
iktar kulur. Ma' dawn iż-żgħażagħ nixtieq nesplora temi politiċi, temi
surreali jew maġiċi ... nixtieq li jkun hemm mumenti fejn nitilqu
mill-istejjer tagħna, biex nirrakkontaw l-istejjer ta' l-oħrajn ... u
nerġgħu lura għall-istejjer tagħna ...
F'dawn il-workshops se nenfasizza l-iktar fuq il-kitba narrattiva.
L-eżerċizzji li se nagħti jistgħu jgħinu liż-żgħażagħ ipoġġu l-ħsibijiet
tagħhom fuq karta, u mbagħad jirranġawhom, u wara jaqrawhom lil sħabhom,
u mbagħad jerġgħu jiktbuhom u jirranġawhom u jiktbuhom u ...
Il-workshops tal-kitba għandhom ikunu biss il-bidu għal aktar kitba."
|
|
Inizjamed, bil-kollaborazzjoni
tal-Kavallier ta' San Ġakbu, se torganizza sensiela ta'
erba' workshops tal-kitba kreattiva u sessjoni ta' qari ta' xogħlijiet
miktuba bejn id-29 ta' Ġunju u s-27 ta' Lulju. Is-sessjonijiet se
jitmexxew minn Clare Azzopardi
B.Ed., M.Ed. (Sheffield), li
minbarra li hija kittieba ewlenija fost il-ġenerazzjoni l-ġdida ta'
kittieba Maltin, speċjalizzat proprju fit-tagħlim tal-kitba kreattiva,
suġġett li tgħallmu wkoll fl-Università ta' Malta.
L-erba' workshops se jsiru dejjem nhar
ta' Ħamis filgħaxija, bejn is-6.00pm u d-9.00pm, fil-Kavallier ta' San
Ġakbu.
Workshops nhar ta' Ħamis bejn
is-6.00pm u d-9.00pm:
29 ta' Gunju - 13 ta' Lulju
20 ta' Lulju - 27 ta' Lulju
Ħlas għall-kors: Lm20 prezz normali -
Lm12 għall-istudenti. Biex tinkiteb ibgħat ittre lil
inizjamed@maltaforum.org. |
|
|
| |
Il-Kittieba
Jaqraw Xogħlijiethom
Nhar il-Ħamis 27 ta' Lulju, mid-9.00pm sa l-10.00pm, il-kittieba li ħadu
sehem fil-kors ta' kitba kreattiva mmexxi minn Clare Azzopardi u
organizzat minn Inizjamed
bil-kollaborazzjoni tal-Kavallier ta' San Ġakbu, se jaqraw xogħol
minn tagħhom lill-pubbliku in ġenerali fit-Teatru tal-Kavallier ta' San
Ġakbu. Kulħadd huwa
mistieden.
Id-dħul huwa b'xejn. |
|
| |
Clare
Azzopardi
(1977) temmet
l-istudji tagħha fl-Edukazzjoni fl-Università ta' Malta fl-1999 u llum
tgħallem il-Malti fl-iskola sekondarja tal-bniet Sir Luigi Preziosi u
fl-Università
ta' Malta.
Fl-2004 temmet l-istudji tagħha tal-Masters ma’ l-Università ta’ Sheffield
fl-Ingilterra. Clare hija attiva f’Inizjamed: kienet il-koordinatriċi ta’
żewġ korsijiet għal min irid jikteb letteratura għat-tfal, żewġ sensiliet
workshops għall-kitba tan-nisa u bosta proġetti. Mexxiet ukoll sessjoni ta'
kitba kreattiva bħala parti mill-Festival Internazzjonali tan-Novella
mtella' mill-Kunsill Nazzjonali ta' l-Ilsien Malti.
Fis-6 ta' Lulju ħiereġ l-ewwel ktieb tagħha ta' novelli għall-kbar
bl-isem ta' Il-Linja l-Ħadra (Merlin Library). Uħud min-novelli
li hemm f'dan il-ktieb dehru diġà bl-Ingliż (tradotti minn Albert Gatt)
f'Ċipru, l-Iskozja, l-Irlanda, l-Ungerija, u Malta.
Xi xogħlijiet
tagħha ntgħażlu biex jinqraw waqt attivitajiet letterarji mtellgħa minn
Poeżijaplus u Inizjamed. Clare tat sehemha wkoll fil-kitba tal-kotba
edukattivi Prosit (2000), Skaluni (2001), Stilel
(2003-2005), Senduq Kuluri (2005) u Senduq Buffuri
(2005) Il-poeżiji tagħha dehru f’Illejla Ismagħni Ftit (2001) u xi
novelli dehru f’Kull Belt Hemm Kantuniera (2003), Ktieb għall-Ħruq
(2005)
u fir-rivista letterarja In Focus (Ċipru, 2005). Fl-2005 ħareġ
il-ktejjeb tagħha Others, Across fis-sensiela Contemporary Maltese
Literature in Translation (Inizjamed, Midsea Books) bi traduzzjonijiet
għall-Ingliż ta' Albert Gatt ta' tnejn min-novelli tagħha. |
|