Kummenti tal-Parteċipanti 

dwar il-Kors ta' Kitba ta' Letteratura għat-Tfal

“Il-kors tal-kitba bil-Malti għat-tfal imtella' minn Inizjamed kien komprensiv u divertenti, miżgħud b'mistiedna - kittieba, għalliema, kritiċi u pubblikaturi -  li qasmu magħna l-aspetti diversi tad-dinja letterarja tat-tfal. Il-presenza professjonali, entużjasta u regolari ta' Trevor Żahra nħasset. Il-possibiltà li tippreżenta biċċa kitba qasira waqt il-kors kienet siewja, kif kienu l-kummenti puntwali dwar il-kitbiet li kellna nħejju minn ġimgħa għall-oħra - l-aktar meta kienu tfal ta’ l-iskola li f'okkażjoni minnhom qraw u kkritikaw il-kitba tagħna.”

John C. Betts 

L-Erbgħa, 12 ta' Diċembru, 2001


"The course was very well planned and the sessions were all very interesting. The group number was just right and also the length of the course."

 

Giuliana Fenech

28 December, 2001


“Il-kors kien effettiv ħafna. Il-fatt li kollna grupp zgħir għen biex ikollna iktar attenzjoni individwali. Naħseb li korsijiet bħal dawn għandhom isiru iktar ta' spiss, mhux biss għal kitba ta’ letteratura għat-tfal, iżda anki għal kitbiet oħra. Bis-saħħa ta' dan il-kors dħalt fi sfera gdida dwar il-kotba, fis-sens, li qabel kont inkun il-qarrejja biss u kont nara l-ktieb mill-punt di vista ta' qarrejja, izda issa qed nara kollox mil-lenti tal-kittieb/a wkoll, u għandi idea tal-pubblikazzjoni tal-kotba wkoll. B'kekk nista' nagħmel kritika iktar “intellettwali” tal-kitbiet Maltin.

Naħseb li l-idea li niktbu silta wara kull laqgħa kienet idea effettiva għax b'hekk esperjenzajna l-kitba wkoll, iżda nixtieq li kellna iktar ħin biex naqrawhom lil xulxin. Tkun ħaga tajba wkoll jekk xi kitbiet tagħna jigu ppubblikati, anki jekk mhux fi ktieb, ngħidu aħna f'xi fuljett jew f'xi gazzetta Maltija.

Nispera li r-rizultat ta' dan il-kors narawh fil-futur qrib u xi wħud minna niktbu xi storja għat-tfal!”

Graziella Calleja Mercieca

L-Erbgħa, 2 ta' Jannar, 2002


"Ħassejt li t-tqassim tal-kors kien tali li offra bażi tajba ħafna għal min hu ġdid, bħali, fil-qasam tal-kitba tat-tfal. Suġġetti bħall-psikoloġija ta' l-adoloxxenti, diskussjoni ta' stili ta' diversi awturi stabiliti, trattament ta' temi diversi u l-produzzjoni ta' ktieb sibthom utli immens. L-istess ħaġa ngħid għax-xogħol ta' kitba li kien jingħata minn ġimgħa għal oħra li kien joħroġ mit-tema diskussa waqt is-sessjoni.

Inħoss li l-aktar żewġ eżerċizzji utli li sibt kienu l-kuntatt mal- kittieba, bħal Trevor Żahra, u l-korrezzjoni tal-kitbiet tal-parteċipanti, bil-kummenti magħmula minn esperti fil-qasam. Apparti mill-utilita' prattika tagħhom, dawn l-eżerċizzji kienu r-raġuni ewlenija għaliex applikajt għall-kors. Permezz tagħhom taf li qed tieħu xi ħaġa lura, xi ħaġa li ma ssibha f’ebda kors ieħor, u f’ebda manwal dwar il-kitba ta' xogħlijiet għat-tfal. Dawn l-eżerċizzji jdaħħluk fid-dinja tal-kitba għaliex tibda tesperimenta bi ħsibijietek u b'kitbietek, u l-fatt li hemm xi ħadd li qed jiggwidak ikompli jgħinek u jinkoraġġik tiżviluppa l-istil tiegħek. Barra minn hekk, għandek ukoll iċ-ċans li tisma' dwar ix-xogħlijiet ta’ sħabek il-parteċipanti l-oħra, u titgħallem tikkritika u tiġi kkritikat.

Apparti x-xogħol ta' kitba minn ġimgħa għal oħra, l-organizzaturi jħeġġuk taqra (kemm tiflaħ!) xogħlijiet diġà pubblikati, kemm f'Malta kif ukoll barra minn Malta. Kien permezz ta' dan il-kors li bdejt naqra xogħlijiet ta' JK Rowling (fir-ritratt, xellug), Anne Fine (fir-ritratt, lemin), Jacqueline Wilson, Beatrix Potter, Jean Ure, Philippa Pearce, Sharon Creech, E. Nesbitt, u oħrajn. Hemm ukoll kittieba Maltin bħal Charles Casha, Carmel Cauchi, Kilin u Trevor Żahra, fost l-oħrajn. M'għandniex xi ngħidu, bil-mod il-mod bdejt nibni librerija, mhux biss ta' kotba ta' dawn l-awturi u oħrajn, imma wkoll ta' kitba dwar psikoloġija ta' l-adoloxxenti u temi oħra li ġew diskussi fil-kors. 

Il-kors, fih innifsu, kien kreattiv, mhux biss fil-kontenut imma wkoll għaliex il-parteċipazzjoni waqt is-sessjonijiet kienet miftuħa għad-diskussjoni. Nista' ngħid li nħossni ffortunata li sibt kors bħal dan, għaliex kieku bdejt kompletament waħdi, kont indum ħafna aktar biex nasal. Dan apparti l-fatt li għamilt ħbieb ġodda u tgħallimt dwar qasam li ftit li xejn se ssib min jiggwidak fih. Mhux ta' b'xejn kont nieħu pjaċir nattendi, avolja kienet xi ftit tqila li nerġa' nisma' sagħtejn oħra lecture wara ġurnata mimlija l-Università.

Dan il-kors għamiltu għalija, għall-iżvilupp tiegħi, u ma jiddispjaċinix tal-ħin u l-isforz li investejt fih. Nirrakkomandah lil kulmin jixtieq ikun jaf iktar dwar il-qasam tal-kitba għat-tfal u għall-adoloxxenti!"

Mary Muscat

L-4 ta’ Jannar, 2002


 

Għall-Ewwel Paġna | Back to the English Page