f'kull belt hemm kantuniera
Il-Kavallier ta' San Ġakbu - 25-26 ta' Marzu, 2003 - 7.30pm


 

 

Go to the English Version

 

Nhar it-Tlieta 25 u l-Erbgħa 26 ta’ Marzu, fis-7.30pm, fis-Sala tal-Mużika tal-Kavallier ta’ San Ġakbu, Inizjamed se tippreżenta “F’Kull Belt Hemm Kantuniera”. Din hija produzzjoni oriġinali li fiha se tindaqq għall-ewwel darba kompożizzjoni ta’ mużika kontemporanja ta’ Karl Fiorini ispirata minn xogħlijiet letterarji ġodda ta’ wħud fost l-aħjar awturi żgħażagħ f’Malta llum.

Jieħdu sehem il-pjanista Caroline Calleja, il-vjolinista Sarah Spiteri, il-klarinettista Godfrey Mifsud, u l-mezzo sopran Claire Massa, u l-atturi Marcelle Teuma u Toni Attard.

Se jkun hemm ukoll għall-wiri xogħol ta’ l-artista żagħżugħa Anabel Cordina. Id-disinn tal-programm u tal-ktieb bix-xogħlijiet letterarji huwa ta’ Adrian Mamo, waqt li t-tema fotografika tal-proġett hija xogћol oriġinali ta' Alexandra Pace.

Ix-xogħlijiet li se jiġu ppreżentati huma ta’ Clare Azzopardi, Stanley Borg, Norbert Bugeja, Priscilla Cassar, Bernard Cauchi, Claudia Fiorini, Maria Grech Ganado, u Simone Inguanez. 

Dax-xogħol jagħmel parti minn “Bliet (u Miti)”, proġett ta’ sena li beda f’April ta’ l-2002 u li fih l-artisti fi ħdan Inizjamed użaw forom differenti ta’ l-arti biex jiddekostruwixxu l-identifikazzjoni ta’ Malta mar-raħal rurali u jesploraw id-dimensjoni kosmopolitana ta’ l-identità Maltija u s-sehem tan-nisa fl-istorja tagħna.

 

F’Awwissu ta’ l-2002, Inizjamed organizzat żewġ lejliet f’Couvre Porte, il-Birgu, li fihom kien hemm forum pubbliku dwar l-identità Maltija, preżentazzjoni ta’ kitbiet letterarji ġodda minn awturi stabbiliti u oħrajn emerġenti u s-sehem ta’ Miro Villar, wieħed mill-aqwa awturi u kritiċi żgħażagħ fil-Galizja. Villar mexxa wkoll sensiela ta’ workshops ta’ kitba kreattiva fil-Kavallier ta’ San Ġakbu.

 

Fit-13 ta’ Jannar, Inizjamed organizzat forum pubbliku ieħor, fil-Kavallier ta’ San Ġakbu, dwar l-identità kosmopolitana ta’ Malta u s-sehem tan-nisa fit-tiswir ta’ dik l-identità. Il-kelliema ewlenin kienu l-antropologu Dr. Mark-Anthony Falzon u l-istoriku s-Sur James Debono (ritratt, xellug). It-taħditiet tagħhom se jkunu pubblikati flimkien mal-kitbiet letterarji matul ir-rappreżentazzjonijiet li se jsiru f’San Ġakbu fil-25 u s-26 ta’ Marzu.

 

Karl Fiorini (t.1979) studja l-kompożizzjoni mużikali fl-Università ta’ Malta. Il-Professur Charles Camilleri u l-Professur Joseph Vella iqisuh bħala wieħed mill-kompożituri emerġenti ewlenin ta’ pajjiżna. Tnejn mix-xogħlijiet tiegħu, Zmurke u Ode to Calliope, indaqqu l-ewwel darba fil-Festival ta’ l-Arti ta’ Aberysthwyth f’Wales. Il-kompożizzjoni ta’ Karl Fiorini fil-produzzjoni “F'Kull Belt Hemm Kantuniera” jisimha “Is-Solitudni fil-Belt”. Dan huwa xogħol f’moviment wieħed li hu maqsum f’disa’ partijiet.

 

Il-biljetti għall-produzzjoni “F’Kull Belt Hemm Kantuniera” jqumu Lm3.50 u jinsabu għall-bejgħ mill-Kavallier ta’ San Ġakbu (miftuħ kuljum bejn l-10.00 am u t-8.30 pm, tel. 2122 3200). Din il-produzzjoni qed tittella’ minn Inizjamed bil-kollaborazzjoni ta’ Holiday Malta u l-Proġett għar-Rijabilitazzjoni tal-Belt u l-Furjana, u bl-għajnuna tas-Segretarjat Parlamentari fil-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni u taċ-Ċentru għall-Kreattività tal-Kavallier ta’ San Ġakbu.

Fil-jumejn li fihom se tittella’ “F’Kull Belt Hemm Kantuniera” il-ktieb bix-xogħlijiet u l-artikli dwar l-identità Maltija se jkun għall-bejgħ bi prezz speċjali.

Il-koordinazzjoni hija f'idejn Adrian Grima, Marcelle Teuma u Karsten Xuereb.

Għal aktar tagħrif ikteb lil inizjamed@maltaforum.org jew ċempel fuq 2137 6941 jew 7946 7952. Hemm ukoll tagħrif dwar dawn ir-rappreżentazzjonijiet fuq il-website ta’ Inizjamed: www.inizjamed.org.