Inizjamed, bi sħab mad-Dipartiment tal-Malti ta' l-Università, tippreżenta t-tieni

 

Kors Prattiku għal Min Irid Jikteb għat-Tfal

Trevor Żahra

Applika ghall-Kors Li Jibda fis-7 ta' Jannar, 2002 

Nhar it-Tnejn, 7 ta’ Jannar, 2002, Inizjamed, bi sħab mad-Dipartiment tal-Malti ta’ l-Università, se tibda t-tieni kors għal kulmin jixtieq jikteb stejjer għat-tfal ta’ bejn 10 u 12-il sena. Il-kors se jsir fiċ-Ċentru tal-Konferenzi M. A. Vassalli (magħruf ukoll bħala Gateway Bldg.) ta’ l-Università (kamra 156). Se jkun hemm għaxar sessjonijiet ta’ sagħtejn il-waħda li jkunu dejjem nhar ta’ Tnejn bejn is-6.30pm u t-8.30pm.   

(Ara wkoll Thankyou Inizjamed! u Kummenti tal-Parteċipanti dwar il-Kors)

Dan huwa kors intensiv li minn naħa jistħarreġ il-kitbiet ta’ l-awturi klassiċi u kontemporanji, Maltin u barranin, u min-naħa l-oħra jinvolvi u jassisti lill-parteċipanti kollha fil-kitba ta’ xogħlijiet oriġinali. Huwa kors li fih dawk li jieħdu sehem ghandhom l-opportunità jiftakru fi tfulithom, jirrakkontaw ġrajjiet personali, jiktbu għat-tfal, jaqraw il-kitbiet tagħhom, jikkritikaw, jitgħallmu mill-kritika u jistimulaw ruħhom biex jiktbu iktar u aħjar.

Il-kors se isir bil-Malti. Fost il-kelliema hemm Trevor Żahra, Charles Casha (fir-ritratt),  Carmel G. Cauchi, Sandro Spiteri, Miriam Teuma, Jesmond Bonnici u Mario Cassar.  Clare Azzopardi qed tikkoordina x-xogħol fuq dan il-proġett ta’ kitba kreattiva għal Inizjamed.

Minħabba li dan huwa kors intensiv li fih kull sessjoni hija marbuta sew mas-sessjonijiet l-oħra u l-parteċipanti se jieħdu sehem attiv, importanti li min japplika għall-kors jara li jkun jista’ jattendi s-sessjonijiet kollha. Il-prezz għall-kors kollu huwa ta’ Lm20 u fl-aħħar jingħata ċertifikat lil min ikun temm il-kors b’suċċess.  

Matul l-għaxar ġimgħat tal-kors, il-parteċipanti se jkollhom skond speċjali ta’ 25% fuq il-kotba li jixtru minn ħanut u pubblikatur ewlieni tal-kotba tat-tfal. Barra minn hekk, dan il-pubblikatur se jippubblika ktieb bl-aħjar istejjer li jkunu nkitbu mill-parteċipanti matul il-perijodu tal-kors.

Min jixtieq aktar tagħrif jista’ jikteb lil Clare Azzopardi li flimkien ma’ Ritianne Gatt, Trevor Żahra u Adrian Grima fasslu l-kors: korsinizjamed@email.com. Il-formola ta’ l-applikazzjoni qiegħda wkoll fuq il-website ta’ Inizjamed.

Minħabba n-natura tal-kors, il-postijiet huma limitati. Jista’ japplika kulmin għalaq it-tmintax-il sena, anki nies li qatt ma kitbu letteratura qabel. L-applikazzjoni u ċ-ċekk ta’ Lm20 maħruġ f’isem “Inizjamed” iridu jintbagħtu lil Inizjamed, att. Karsten Xuereb, Lapsi Court, Fl. 6, Triq Lapsi, San Ġiljan. STJ 08. L-applikazzjonijiet jibqgħu jintlaqgħu sakemm jimtlew il-postijiet.

Adrian Grima

10.12.01  

 

 

 

Għall-Ewwel Paġna | Back to the English Page