|
Inkontru Letterarju ma' John P. Portelli |
||
|
|
Nhar it-Tlieta, l-1 ta' Awwissu, fit-8pm, bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Kalkara, se jsir inkontru letterarju mal-poeta u l-akkademiku Malti-Kanadiż John P. Portelli, għal dawk kollha involuti fil-proġetti ta' Inizjamed. Din il-laqgħa se ssir fiċ-Ċentru Dawradurella, li jiġi eżatt fuq il-lift antik ta' Bighi. Qabel se ssir preżentazzjoni ta' kotba minn Inizjamed lil-Librerija Pubblika tal-Kalkara mmexxi mill-Kunsill.
Dawk preżenti se jkunu jistgħu jisimgħu wħud mix-xogħlijiet ta' John Portelli u jaqraw ukoll xi xogħlijiet minn tagħhom. Naturalment din l-attivitą mhix miftuħa biss għal min jikteb. Waqt il-laqgħa min jixtieq jista' jakkwista kopja tal-ktieb Bejn Żewġ Dinjiet: Malta u l-Kanada/In Between: Malta and Canada. Id-dħul minn dan il-ktieb qed imur għall-fondazzjoni taċ-chair lift għas-sala tal-Maltin fil-knisja ta' San Pawl f'Toronto.
John P. Portelli
Minkejja li ilu l-Kanada kważi 29 sena, baqa' jaqra l-kotba tal-letteratura bil-Malti, speċjalment il-poeżija. Fost il-poeti Maltin l-aktar għal qalbu hemm Daniel Massa, Oliver Friggieri u Ġorġ Borg.
Fid-daħla tiegħu għal dan il-ktieb,
il-Professur Oliver Friggieri jgħid li din il-ġabra tal-poeżiji
tal-Professur John P. Portelli hija "bħallikieku d-djarju spiritwali
tal-vjaġġ tiegħu tul l-1971 - 2003." Skond Friggieri, "kollox jista'
jinġabar fit-tematika wiesgħa tal-fedeltą lejn in-nisel, ta'
l-apprezzament ta' l-għeruq li l-poeta ma qatax.
[...]
Portelli jikteb il-poeżija tiegħu billi jlaqqa' flimkien ir-riżorsi tiegħu
kollha, u minn dan jitnissel l-interess attwali tagħha." |
|