L-Erbgħa, 12 ta’ Frar, 2003
 

Stqarrija ta’ Għaqdiet tas-Soċjetà Ċivili Maltija

dwar il-Gwerra kontra l-Iraq

 

Ara l-poeżija tal-poeta Brażiljan Jelson Oliveira, "Filha da Guerra" ("War Child")

"Ħadd minn dawk li qegħdin isegwu mill-qrib dak li qed jiġri fid-dinja bħalissa m’għandu dubju li l-gvernijiet ta’ l-Istati Uniti, tar-Renju Unit u l-alleati tagħhom huma determinati li jagħmlu gwerra kontra n-nies ta’ l-Iraq biex jieħdu taħt idejhom il-ħażniet taż-żejt u biex jilħqu, kif stqarret l-organizzazzjoni Gush Shalom, għanijiet “dubjużi” oħra.

Hija gwerra għall-qerda tal-massa li se tkisser il-ħajja ta’ miljuni ta’ Iraqini li ilhom għexieren ta’ snin ibatu l-konsegwenzi ta’ gwerer bla waqfien, ta’ embargo kiefer u ta’ tmexxija dittatorjali. Bħala organizzazzjonijiet li jagħmlu parti mis-soċjetà ċivili Maltija, u li ħafna minnhom huma firmatarji tal-Karta tal-Prinċipji tal-Forum Soċjali Dinji, intennu t-twemmin tagħna li d-differenzi bejn il-bnedmin m’ghandniex insolvuhom bil-gwerer. Nemmnu li n-nies kollha ta’ rieda tajba għandhom iħabirku biex isawru soċjetà li tiffoka “l-attività ekonomika u l-azzjoni politika tagħha li taqdi l-ħtiġijiet tan-nies u tirrispetta n-natura, illum u għall-ġenerazzjonijiet li għad iridu jitwieldu.” (Karta tal-Prinċipji, nru. 12, FSD)

Minflok jagħmlu gwerra ta’ terrur fuq in-nies, l-ambjent u l-wirt kulturali ta’ l-Iraq u jqiegħdu l-ħajja ta’ eluf ta’ suldati fil-periklu, inħeġġu lil dawk kollha fil-poter, fuq kull naħa, li jridu gwerra, biex jinvestu r-riżorsi umani u finanzjarji prezzjużi tagħhom fi ġlieda kontra l-armi għall-qerda tal-massa li ma jistgħux jinħbew:

  • il-ġuħ li proprju f’dawn il-ġranet qed jhedded miljuni ta’ persuni fl-Afrika
  • it-tniġġis industrijali li ġab miegħu l-ġid fil-pajjiżi s-sinjuri tan-Naħa ta’ Fuq tad-dinja u li qed jhedded l-eżistenza tal-pjaneta tagħna
  • il-piż tad-dejn li qed jirrovina l-ħajja ta’ miljuni ta’ nies fl-ifqar pajjiżi
  • it-traġedji li qed iġiegħlu lil miljuni ta’ nies jaħarbu b’ta’ fuqhom senduqhom minn djarhom
  • id-differenza tal-biża’ bejn il-minoranza s-sinjura u l-maġġoranza l-fqira f’din id-dinja inġusta li ngħixu fiha

Dan l-aħħar, il-membru tal-Grupp għat-Tielet Dinja John Axiak, li qed jagħmel xogħol volontarju fil-Belġju ma’ l-organizzazzjoni For Mother Earth, ġie arrestat inġustament mill-awtoritajiet Belġjani. Bħala membri tas-soċjetà ċivili Maltija aħna kburin li John Axiak huwa lest jipprotesta pubblikament kontra gwerra immorali. Lill-poplu Malti li jemmen tassew fil-paċi u l-ġustizzja nixtiequ ngħaddulu l-appell ta’ John Axiak biex jieħu sehem fil-protesta kontra gwerra fl-Iraq li se ssir nhar is-Sibt, 15 ta’ Frar.

Il-manifestazzjoni tibda fis-1.00pm fi Triq Nazzjonali, il-Blata l-Bajda, u tintemm f’Misraħ il-Ħelsien, il-Belt, fejn se jsir kunċert mużikali. Miljuni ta’ nies madwar id-dinja se jkunu qegħdin jipprotestaw kontra din il-gwerra fl-istess ħin."

Sadattant, dawk l-għaqdiet li jixtiequ jiffirmaw il-Karta tal-Prinċipji tal-Forum Soċjali Dinji jistgħu jibagħtu messaġġ f’dan l-indirizz: inizjamed@maltaforum.org

Stqarrija ffirmata minn:

  • Inizjamed
  • Moviment Graffiti
  • Alternattiva Demokratika
  • Move Organization
  • Poeżijaplus 
  • Grupp għat-Tielet Dinja
  • Kopin (Koperazzjoni Internazzjonali)
  • Koperattiva Kummerc Ġust
  • Ċentru Fidi u Ġustizzja
  • Jesuit Refugee Service (Malta)
  • Fondazzjoni Erato
  • Nature Trust (Malta)
  • CYLO (Catholic Youth Leaders Organization)

Adrian Grima

 

Għall-Ewwel Paġna | Back to the First Page